Anzjani u persuni b’diżabbilità msejħa biex jissieħbu fl-armata Russa; Il-Kremlin jammetti żbalji

Tkompli tikber l-oppożizzjoni kontra d-deċiżjoni ta' Putin, b'madwar 2,000 dimostrant ġew arrestati fl-aħħar jiem

Il-Kremlin ammetta li saru żbalji meta għadd ta’ persuni bdew jiddaħħlu fl-armata wara l-ordni tal-President Vladimir Putin biex tkun mobilizzata l-armata wara l-avvanzi li għamlu l-Ukrajna fl-offensiva tagħhom biex kisbu lura territorji maħtufa.

“Hemm każi fejn saru żbalji,” qal kelliem għall-President Russu waqt li insista li dawn l-iżbalji se jkunu indirizzati. Huwa qal dan fid-dawl tal-oppożizzjoni dejjem tikber kontra din id-deċiżjoni.

Diveri rapporti qed jgħidu li persuni mingħajr l-ebda esperjenza militari jew inkella li huma anzjani jew saħansitra għandhom diżabbilità, ukoll ġew imsejħa biex jissieħbu fl-armata.

Fil-21 ta’ Settembru li għadda, Putin ħabbar dak li sejjaħ bħala mobilizzazzjoni parzjali tal-armata, bil-Ministru għad-Difiża Sergei Shoigu jgħid li madwar 300,000 persuna li kienu rċevew taħriġ militari, issa se jissieħbu fl-armata.

Madanakollu, rapporti qed jgħidu li n-numru mistenni jkun ħafna akbar u mhux ikun eskluż li madwar miljun persuna se jkunu msejħa jagħmlu dan. Huma qed jikkwotaw dokument ippubblikat fuq is-sit tal-Kremlin u li fih, l-ammont ta’ persuni riservi fl-armata, mhuwiex imniżżel għax qed ikun meqjus bħala informazzjoni sensittiva.

Diversi esperti militari fil-Punent u anke fl-Ukrajna qed jgħidu li s-sejħa li għamel Putin turi li l-pjan tal-Kremlin fl-Ukrajna falla.

Minn meta Putin għamel din id-dikjarazzjoni, madwar 2,000 persuna ġew arrestati waqt protesti f’diversi bliet minn attivisti li huma kontra din id-deċiżjoni.

Intant f'erba' reġjuni maħtufa mir-Russi, illum hija l-aħħar ġurnata tal-votazzjoni hekk kif iċ-ċitaddini qed ikunu msejħa jwieġbu jekk jixtiqux jingħaqdu mar-Russja. Il-komunità internazzjonali qed tisħaq li din il-votazzjoni mhijiex trasparenti u hemm lok għal ħafna abbużi.

More in Barranin