Erba' reġjuni Ukreni okkupati minn Putin jivvotaw biex jissieħbu mar-Russja; Dan x'jista' jfisser?

Dan ir-referendum qed ikun iddikjarat illeġittimu mill-pajjiżi tal-Punent iżda Putin jista' jużah biex jakkuża lin-NATO li qed tgħin biex ikun attakkat territorju Russu

F’erba’ reġjuni Ukreni okkupati mir-Russi qed isir ‘referendum’ bil-għan li dawn ikunu ddikjarati bħala parti mir-Russja.

L-Ukrajna u l-pajjiżi tal-punent, qed iqisu din il-votazzjoni bħala waħda illeġittima, kemm għax qed issir f'territorju okkupat u anke għax ma hemm l-ebda trasparenza.

Ir-referendum qed isir fuq perjodu ta’ ħamest ijiem f’erba’ reġjuni, tnejn fil-lvant u tnejn fin-nofsinhar tal-Ukrajna. L-erba’ reġjuni jmissu mar-Russja.

Jekk eventwalment ir-Russja tiddikjara li dawn ir-reġjuni issa huma territorju tagħha, tkun tista’ takkuża lill-pajjiżi tal-punent li qed jissupplixxu l-armi biex l-Ukreni jattakkaw territorju tagħha.

Wara seba’ xhur minn meta bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, Putin spiċċa dahru mal-ħajt meta l-Ukreni għamlu avvanzi fl-aħħar ġimgħat u rebbħu lura bliet u villaġġi li kienu waqgħu f’idejn ir-Russi.

Din il-votazzjoni hija mossa tal-Kremlin bil-għan li jerġa’ jagħti spinta lil din l-invażjoni.

Jekk ir-Russja tiddikjara li dawn ir-reġjuni huma tagħha, ikun ifisser li qed tieħu f’idha xejn inqas minn 15% tat-territorju Ukren. 

Dan jagħmilha aktar faċli lil Putin biex jgħid li l-pajjiżi tal-Punent u anke n-NATO qed jgħinu lill-Ukrajna biex tattakka territorju Russu.

Fl-aħħar indirizz tiegħu, Putin qal li lest juża l-mezzi kollha li għandu biex jiddefendi lir-Russja jekk it-territorju tagħha jkun mhedded.

Din mhux l-ewwel darba li saret votazzjoni simili. Meta Putin ordna truppi biex jinvadu l-Krimea, lura fl-2014, kien ordna wkoll votazzjoni simili.

Il-votazzjoni għaddejja f’Luhansk u Donetsk u anke f’Kherson u Zaporizhzhia.

Intant, minn meta Putin ordna li 300,000 suldat riserva jiddaħħlu immedjatament fl-armata biex jieħdu sehem fl-invażjoni tal-Ukrajna, mijiet ta’ rġiel qed jipprovaw jaħarbu mill-pajjiż.

Minn meta tkellem Putin, kjuwijiet kbar ta’ nies u karozzi dehru jaqsmu l-fruntieri, anke jekk il-Kremlin qed jgħid li r-rapporti qed jesaġeraw in-numru.

More in Barranin