Ukrajna | Djar mgħerrqa wara li r-Russi attakkaw diga; Zelensky jiddeskrivi lir-Russja bħala 'stat terrorist'

L-awtoritajiet Ukreni qed iqisu dan l-attakk bħala tpattija, mir-Russi, għall-offensiva li wettqet l-Ukrajna biex ħadet lura f'idha villaġġi okkuppati mir-Russi

Missili Russi laqtu diga fil-belt Ukrena ta’ Kryvyi Rih li tinsab fin-nofsinhar tal-pajjiż, b’mijiet ta’ persuni jkollhom jiġu evakwati għax djarhom spiċċaw mgħerrqa.

L-awtoritajiet Ukreni qed iqisu dan l-attakk bħala tpattija, mir-Russi, għall-offensiva li wettqet l-Ukrajna fl-aħħar jiem u li waslet biex il-Forzi Ukreni jieħdu lura f’idhom madwar 8,000 kilometru kwadru ta’ art li kienet okkupata mir-Russi.

Il-Presisdent Volodymyr Zelensky, li twieled f’din il-belt, iddeskriva r-Russja bħala “stat terrorist” wara dan l-attakk. Huwa akkuża lil Putin li qed jattakka lin-nies ċivili.  

Fid-diskors, li l-President Ukren jagħmel kuljum, insista li din id-diga ma kellha l-ebda valur militari u għalhekk l-attakk fuqha kien sempliċiment wieħed ta’ vendetta. 

Madanakollu, insista wkoll li s-sitwazzjoni hija taħt kontroll.  

Moska għadha ma kkummentat xejn dwar dan l-attakk.

More in Barranin