Konservattiva iżda eks-liberali, kienet tkellmet kontra l-Monarkija u tammira lil Thatcher; Min hi l-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit

Min hi Mary Elizabeth Truss? X’għamlet biex telgħet fil-quċċata? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-karriera politika, il-portafoll estensiv u l-politika li se twettaq għal dawn is-sentejn li jmiss Lizz Truss, bħala t-tielet Prim Ministru mara  

Fuq tlieta toqgħod il-borma. Mary Elizateth Truss, magħrufa aktar mal-Ingliżi bħala Liz Truss, issa uffiċjalment maħtura bħala t-tielet mara Prim Ministru tar-Renju Unit. Hija rebħet lir-rivali tagħha Rishi Sunak bi ftit aktar minn 20,000 vot. Truss, li hija l-aktar politikanta li ilha taħdem għall-Gvern Ingliż, mhux l-ewwel darba li kienet fiċ-ċentru ta’ xi kontroversji.  

Minn filmati tagħha tgħid li hi kontra l-Monarkija għal ritratti fuq Instagram tikkopja l-Margaret Thatcher - li fi ċkunita kienet tipprotesta kontra - l-ILLUM tagħti ħarsa lejn żogħżitha, l-irwol tagħha bħala politikanta u l-policies li beħsiebha timplimenta f’dak il-perjodu li hi stess qed issejjaħ bħala ‘kruċjali’ għar-Renju Unit.  

Iż-żagħżugħa Liz Truss fid-diskors tagħha waqt il-konferenza tal-Partit Liberali u Demokratiċi
Iż-żagħżugħa Liz Truss fid-diskors tagħha waqt il-konferenza tal-Partit Liberali u Demokratiċi

Min hi?  

Truss twieledet fis-26 ta’ Lulju 1975. Ommha u missierha kienu żewġ attivisti liberali li rabbewha voċifera, tant li kienet parteċipi f’diversi protesti, inkluż waħda kontra Margaret Thatcher, l-ewwel Prim Ministru mara mill-partit tal-Konservattivi, mlaqqam bħala t-Tories.  

Truss studjat fl-Università ta’ Oxford u hi gradwata fil-filosofija, il-politika u l-ekonomija. Tul il-perjodu tagħha fl-Università rinomata, Truss mexxiet l-għaqda tal-istudenti Liberali u Demokratiċi.  

Fil-fatt, f’konferenza tal-Partit Liberali u Demokratiċi Truss kienet għamlet diskors, li fih saħqet li hija kontra l-idea ta’ Monarkija u li wieħed jiret titlu sempliċement għax twieled fil-Familja Rjali. Hija kienet ikkjarifikat li personalment m’għandha xejn kontra l-familja Rjali iżda hija kontra l-fatt li wieħed jitwieled biex jirrenja. Ħafna maqdru lill-midja Ingliża talli fl-aħħar jiem xandret dan il-filmat bil-ħsieb li ttellef il-kampanja elettorali tagħha. 

Fl-1996, meta ggradwat, ngħaqdet mat-Tories. Hija saret parti mill-Gvern Ingliż fl-2010 meta ikkontestat għall-elezzjoni ġenerali. Dak iż-żmien, il-Partit Konservattiv kien immexxi minn David Cameron.  

Il-Prim Ministru l-ġdid ma tantx għandha relazzjoni tajba mal-midja Ingliża. Fil-fatt, diversi nies naqsu milli joħduha bis-serjetà matul is-snin. Diversi midja kkritikawha u użaw tattiċi biex iwaqqgħuha għaċ-ċajt wara diskors li kienet għamlet fl-2014, meta kienet Segretarju tal-Ambjent, l-Ikel u l-Affarjiet Rurali, fejn kienet saħqet li hija “diżgrazzja” li l-Ingilterra timporta l-maġġoranza tal-ġobon. Apparti minn hekk kien hemm mumenti, anke issa fit-tellieqa għall-irwol ta’ Prim Ministru, fejn hija rrifjutat li tagħmel intervisti mal-BBC.  

Kawża ta’ hekk, dan l-aħħar hija żiedet il-preżenza tagħha fuq il-midja soċjali. Tant hu hekk li ħafna qalu “li ibbumbardjat il-midja soċjali biex taljena lin-nies mill-fatt li għandha preżenza negattiva fuq il-midja lokali.” Spikkaw ukoll ritratti simili għal dawk tal-‘Iron Lady’ (Thatcher) fosthom wieħed fuq tank tal-gwerra u ieħor li fih kienet tidher kważi bl-istess tibdilha bħalha.   

X’għamlet sa’ issa?  

Tajjeb li nsemmu li Truss, dak iż-żmien bħala Ministru għall-Affarjiet Barranin, għamlet kampanja kontra l-Brexit. Minkejja dan illum tgħid li dak iż-żmien kienet żbaljata. 

Tant hu hekk li anke fl-ewwel diskors tagħha malli tħabbar ir-riżultat tar-rebħa, fost ir-ringrazzjamenti hija rringrazzjat lill-eks Prim Ministru Boris Johnson u “ħabib” tagħha - li kellu jirriżenja minħabba għadd ta’ skandli - tal-ħidma tiegħu, talli “irnexxielek twettaq il-Brexit, kissirt lil Jeremy Corbyn, provdejt it-tilqima kontra l-Covid-19 u waqaft lil Putin.”  

Tul dawn it-12-il sena, Truss serviet rwoli differenti bħala parti mit-tmexxija tal-pajjiż. Bejn l-2012 u l-2014 hija kienet Ministru għall-Edukazzjoni. Tajjeb li nsemmu li l-edukazzjoni hija importanti ħafna għal Truss, tant li laqqmet  lilha nnifisha bħala l-Prim Ministru għall-Edukazzjoni u wiegħdet se tkun qed taħdem aktar għall-edukazzjoni tal-istudenti.  

Intant taħt l-amministrazzjoni ta’ Theresa May, bejn l-2016 u l-2017, Truss serviet bħala Lord Chancellor u Segretarju għall-Ġustizzja. Punt interessanti huwa li Truss kienet l-ewwel kanċillier mara fl-istorja ta’ dan l-Uffiċċju.  

Tajjeb li nfakkru li fl-2015 u l-2016 il-vjolenza fil-ħabs Ingliż żdied b’rata allarmanti, uħud jgħidu li dan kien ikkawżat mit-tnaqqis tal-baġits allokati għall-ħabs, madwar l-Ingliterra. Dan wassal biex Truss żiedet il-fondi b’£1.3 biljun, ekwivalenti għal €1.5 biljun, għal servizz aqwa u għar-reklutaġġ ta’ 2,500 gwardjan adizzjonali.  

Eventwalment mill-2021 sa qabel nħatret Prim Ministru hija kienet fl-irwol ta’ Ministru għall-Affarjiet Barranin. B’referenza għall-portafoll estensiv tagħha riċentament hija saħqet li, “affaċċjajt uħud mill-agħar għargħar li kellha f’din il-ġenerazzjoni, affaċċjajt waħda mill-agħar irvelli fil-ħabs u affaċċjajt l-agħar gwerra fl-Ewropa.”  

Bħala Ministru għall-Affarjiet Barranin, Truss kienet voċifera ħafna fuq il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Fil-fatt fi Frar li għadda marret Moska u ltaqgħet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kremlin Sergei Lavrov. Madankollu l-laqgħa ma tantx marret tajjeb hekk kif saħaq li, “kont qisni qed nitkellem ma’ persuna truxa, qiegħda hemm, imma mhux tisma’.”  

Minkejja dan, hija ġabret ġieħa mal-partit b’diskors li fih ikkundannat lil Putin u l-azzjonijiet tiegħu. Uffiċjali Russi, b’referenza diretta għal dan id-diskors, saħqu li hi wasslet biex il-militar tal-pajjiż ikun fuq allert għoli. Il-midja Ingliża rrapportat li din l-pożizzjoni tagħha fuq il-gwerra ntlaqgħet tajjeb mat-Tories.  

Dakinhar tal-ħatra ta' Truss u jum qabel il-mewt tar-Reġina Eliżabetta II
Dakinhar tal-ħatra ta' Truss u jum qabel il-mewt tar-Reġina Eliżabetta II

X’beħsiebha tagħmel? 

Truss diġà elenkat lista ta’ bidliet għall-pajjiż, li bħal ħafna pajjiżi oħra madwar id-dinja għaddej minn kriżi.  

Fuq nett tal-aġenda għandha li tnaqqas it-taxxi b’5% biex tirregola l-għoli tal-ħajja. Dan se tagħmlu bil-għan li tagħti imbutattura lill-ekonomija u ttaffi l-piż lill-poplu Ingliż, speċjalment issa b’kontijiet tal-enerġija li huma ferm ogħla. Wiegħdet ukoll li tnaqqas l-ispiża tal-assigurazzjoni nazzjonali u li tneħħi kompletament iż-żieda fit-taxxa korporattiva. B’kollox tiffranka lill-poplu £30 biljun, ekwivalenti għal €34.6 biljun.  

B’kuntrast għal dak li protestat kontrih fi ċkunita, issa Truss saħqet li għandhom jinbnew powerstations nukleari.  

Min-naħa l-oħra, apparti policies oħra fuq il-Brexit, il-politika barranija, l-akkomodazzjoni u s-saħħa hija wiegħdet bi sħiħ li tipprovdi lil kull tifel u tifla Ingliż l-aqwa opportunità biex jirnexxu, lil hinn minn fejn ġejjin.  

Hija saħqet li tixtieq tkompli tinvesti fi skejjel u akkademji eżistenzi li jħallu riżultati tajbin filwaqt li dawk li fallew, tibdilhom fi skejjel b’xejn.  

More in Barranin