Eluf ta' Skoċċiżi nġabru matul il-lejl li għadda f'Edinburgh fejn qed jingħataw iċ-ċans li jsellmu għall-aħħar darba lir-Reġina Eliżabetta.
It-tebut bil-fdalijiet tar-Reġina wasal fil-Katidral storiku lbieraħ waranofsinhar u wara ċelebrazzjoni, il-Katidral baqa' miftuħ matul il-lejl kollu biex l-Iskoċċiżi jkollhom ċans isellmu lir-Reġina.
Fil-fatt, eluf ta' persuni baqgħu jidhru dieħla u ħierġa mill-Katidral. It-tebut jibqa' hemm sal-5pm tal-lejla qabel ir-Reġina titwassal lura Londra.
Mument emozzjonanti kien meta għal ftit tal-ħin, ir-Re Karlu III flimkien mat-tliet ħutu, il-Prinċipessa Anna, il-Prinċep Andrew u l-Prinċep Edward għassu t-tebut flimkien mas-suldati. Kienu ħafna dawk li baqgħu skantati b'dan il-ġest ta' ulied ir-Reġina.
L-erba' aħwa, ilbieraħ mxew ukoll wara t-tebut tar-Reġina hekk kif dan twassal f'purċissjoni minn Holyroodhouse sal-Katidral. Din kienet l-ewwel darba li Re jew Reġina tal-Ingilterra mietet fl-Iskozja u għalhekk l-Iskoċċiżi ngħataw ċans isellmu lir-Reġina.
Malli t-tebut jasal Londra, aktar tard illejla, ir-Reġina se tittieħed fil-palazz ta' Buckingham sakemm aktar tard din il-ġimgħa, f'purċissjoni militari, titwassal sa Westminister Hall, fejn il-pubbliku se jkun jista' jsellmilha għall-aħħar darba.
It-tebut tar-Reġina se jibqa' espost għal erbat ijiem sħaħ mingħajr waqfien.
Intant, kif isir dejjem meta jilħaq Re jew inkella Reġina ġdida, ir-Re Karlu III se jkompli jdur ir-Renju Unit. Illum, ir-Re Karlu u r-Reġina Konsorti se jaslu l-Irlanda ta' Fuq. Huwa se jiltaqa' mal-Assemblea.
Il-funeral tar-Reġina se jsir nhar it-Tnejn 19 ta' Settembru f'Westminister Abbey, bid-difna li se tieħu aktar forma privata, se ssir fil-Kappella ta' San Ġorġ fil-Kastell ta' Windsor. Hija se tindifen biswit missiera r-Re Ġorġ, ommha u anke żewġha l-Prinċep Filippu, fost oħrajn.
Il-Gvern Ingliż ħabbar ukoll li nhar il-Ħadd, 18 ta' Settembru fit-8pm, se ssir minuta ta' silenzju nazzjonali.