Forzi Ukreni qed jgħidu li fl-aħħar 24 siegħa kisbu lura xejn inqas minn 20 villaġġ li kienu waqgħu f’idejn il-Forzi Russi u dan f’offensiva bil-għan li l-Ukrajna tikseb lura tettitorji li rebħu r-Russi fl-aħħar xhur.
Vitaly Ganchev, uffiċjal għoli fl-armata Ukrena, qal li fl-offensiva tal-aħħar jiem, l-Ukreni kienu ħafna aktar b’saħħithom, tant li għal kull suldat Russu kien hemm tmien suldati Ukreni.
Kien hu li kkonferma li l-Ukrajna issa ħadet f’idha l-kontroll ta’ 3,000 kilometru kwadru ta’ territorju li kien waqa’ f’idejn il-Forzi Russu.
Apparti l-avvanżi fit-tramuntana tal-pajjiż, jidher ukoll li l-Forzi Ukreni qed jirbħu wkoll territorji fir-reġjun ta’ Kherson, li jinsab fin-nofsinhar tal-pajjiż.
Iżda il-Kelliem għall-Kremlin Dmitry Peskov ftit li xejn deher inkwetat. Huwa qal li l-operazzjoni tar-Russja fl-Ukrajna se tkompli sakemm jintlaħqu l-miri li kienu ċari mill-bidu nett.
Qal ukoll li l-President Vladimir Putin qed ikun aġġornat kontinwament b’dak li qed jiġri.
Jidher li r-Russja qed twettaq ukoll attakki mill-ajru fuq dawn iż-żoni li l-Ukreni rebbħu lura. Fil-fatt, ir-Russja kkonfermat li l-Forzi tagħha rtiraw minn xi bliet, fosthom Izyum u Kupiansk.
Is-Sindku ta’ Izyum qal li l-bandiera Ukrena reġgħet qed tperper f’din il-Belt filwaqt li għaddejja ħidma ta’ tindif u anke ta’ tfittxija hekk kif mhux qed ikun eskluż li għad hemm suldati Russi moħbija fid-djar tan-nies.
Qal ukoll li fi żmien għaxart ijiem, dawk li ħarbu mill-belt, jistgħu jirritornaw b’mod sigur.