Illum ikompli l-aħħar vjaġġ tar-Reġina Eliżabetta II, li mietet fl-età ta' 96 sena, nhar il-Ħamis 8 ta' Settembru, fil-kastell ta' Balmoral fl-Iskozja.
Ilbieraħ wara vjaġġ ta' sitt sigħat, it-tebut bir-Reġina ħalla dan il-Kastell sakemm wasal Edinburgh fejn tpoġġa fil-Palazz ta' Holyroodhouse.
Li se jiġri llum huwa li r-Re Karlu u r-Reġina Konsorti, se jmorru Edinburgh u flimkien mal-bqija tal-Familja Rjali se jkunu qed jimxu wara t-tebut li se jitwassal f'purċissjoni sal-Katidral ta' Giles.
Għal din il-purċissjoni solenni mistennija li jattendu eluf ta' nies. Fil-Katidral, se ssir ċelebrazzjoni u mill-4pm, il-membri tal-pubbliku se jkunu jistgħu jsellmu għall-aħħar darba lir-Reġina. Il-Katidral se jibqa' miftuħ matul il-lejl kollu.
Filgħaxija se ssir ukoll velja fl-istess Katidral u r-Re Karlu mistenni jkun preżenti wkoll.
Ir-Re Karlu se jqatta' l-lejl fil-Palazz ta' Holyroodhouse fejn se jkollu wkoll laqgħa mal-Ewwel Ministru Skoċċiż Nicola Sturgeon.
Apparti minn hekk, dalgħodu, ir-Re Karlu III se jkun qed iżur Westminister Hall fejn il-Parlament Ingliż se jsellem lir-Reġina u anke jwassal il-Kondoljanzi tiegħu. Ir-Re mistenni jagħmel diskors.
Għada r-Reġina Eliżabetta titwassal lura Londra. Il-funeral se jsir nhar it-Tnejn 19 ta' Settembru wara li l-pubbliku se jkollu ċans isellmilha f'Westminister Hall.