Aġġornata | Boris Johnson iċedi għall-pressjoni u jirriżenja

Dan wara li ħarġu rapport li Johnson naqas milli jieħu passi neċessarji meta kien jaf b'allegazzjonijiet ta' fastidju sesswali li kien qed ikun akkużat bihom membru tal-Gvern

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson se jkun qed jirriżenja u ħabbar dan aktar kmieni llum.

F'diskors quddiem 10 Downing Street, Johnson qal li xtaq li jibqa' jmexxi u li pprova jikkonvinċi lil dawk ta' madwaru li ma jagħmilx sens li jinbidel Gvern li, fi kliemu, kien elett b'maġġoranza storika.

Madanakollu qal li l-ebda politiku mhu indispensabbli u filwaqt li wera d-diżappunt tiegħu li ma setax jikkonvinċi lil dawk ta' madwaru biex jibqa' u biex jara l-wiegħdi kollha mwettqa, se jkun qed jassigura li jkun hemm proċess biex ikun magħżul Kap ġdid tal-mexxej tal-Partit Konservattiv.

Qal li hu se jibqa' Prim Ministru sakemm ikun elett il-Kap il-ġdid u se jassigura li l-pajjiż jibqa' jkun iggvernat bl-aħjar mod.

Il-pressjoni fuq Johnson żdiedet fl-aħħar jumejn hekk kif irriżenjaw xejn inqas minn 50 persuna kemm mill-Gvern tiegħu u anke mill-Partit Konservattiv.

Il-Kanċillier il-ġdid, Nadhim Zahawi, li ħa l-ġurament nhar it-Tlieta, ukoll qed jitlob lil Johnson biex jirriżenja.

Anke s-Segretarju l-ġdid għall-Edukazzjoni, Michelle Donelan, irriżenjat għax fi kliemha Johnson poġġa lill-Gvern “f’sitwazzjoni impossibbli.”

L-ewwel ma rriżenja kien is-Segretarju għall-Irlanda ta’ Fuq Brandon Lewis iżda malajr segwewh xejn inqas minn seba’ ministri oħra. Fost dawn irriżenjaw il-Ministru għat-Teżor, dak għas-Sigurtà, dak responsabbli mix-Xjenza, il-Ministru tal-Pensjonijiet, tat-Teknoloġija u tal-Ġustizzja.

Anke uħud minn dawk li kienu l-aktar viċin tiegħu, qed jitolbuh jirriżenja.

Din il-mewġa ta’ riżenji seħħet wara li rapporti akkużaw lil Johnson li naqas milli jieħu l-passi neċessarji meta ħarġu allegazzjonijiet kontra l-eks Deputat Whip Chris Pincher. Pincher qed ikun akkużat b’fastidju sesswali.

Sar magħruf, li Johnson kien jaf personalment b’rapport li sar kontra Pincher fl-2019 meta dak iż-żmien kien Ministru fl-Uffiċċju għall-Affarijiet Barranin.

Dan minkejja li fl-aħħar jiem, Downing Street ċaħdet li l-Prim Ministru kien jaf b’dawn l-allegazzjonijiet.

Iżda din ma kinitx l-uniku kontroversja li spiċċa fiha Johnson. Fl-aħħar xhur hu u l-impjegati tiegħu f’Downing Street kienu investigati wara li sar magħruf li fi żmien li l-pajjiż kien f’lockdown, saru xi festini f’Downing Street.

More in Barranin