Żagħżugħ jispara u joqtol tliet persuni fi stabbiliment f'Copenhagen

Erba' persuni oħra jinsabu f'qagħda kritika

Iż-żagħżugħ fl-istabbiliment ftit wara li qabad jispara
Iż-żagħżugħ fl-istabbiliment ftit wara li qabad jispara

Żagħżugħ daħal, spara u qatel tliet persuni fi stabbiliment kummerċjali fil-Kapitali Daniża, Copenhagen.

Skont il-Pulizija Daniża, il-vittmi huma żewġ tfajliet ta’ 17-il sena u ċittadin Russu ta’ 47 sena.

Erba’ persuni oħra jinsabu f’qagħda kritika.

Iż-żagħżugħ li għandu 22 sena u li kien deskritt bħala “Daniż etniku” ġie arrestat ftit tal-minuti wara.

Skont il-Kap tal-Pulizija, Soeren Thomassen, iż-żagħżugħ ibati minn problemi ta’ saħħa mentali u ma hemm l-ebda indikazzjonijiet li jistgħu jwasslu biex ikun konkluż li l-motiv tiegħu kien wieħed li joħloq terrur.

Il-Prim Ministru Mette Frederiksen qalet li d-Danimarka sofriet minn attakk krudili.

Ħeġġet lid-Daniżi biex f’dan il-mument jingħaqdu u joffru appoġġ lil xulxin f’dan il-mument diffiċli.

“Il-kapitali mill-isbaħ u normalment sigura tagħna nbiddlet f’sekonda,” qalet il-Prim Ministru.

More in Barranin