Macron jitlef il-maġġoranza u jinqabad bejn żewġ forzi politiċi opposti

Dan wara riżultati tajbin li kisbet alleanza xellugija u anke l-lemin estrem immexxi minn Marine Le Pen

Inqas minn xaharejn wara li reġa ġie elett bħala President Franċiż, Emmanuel Macron tilef il-maġġoranza komda li kellu fl-Assemblea Nazzjonali Franċiża u dan wara riżultati tajbin li kisbet alleanza xellugija u anke l-lemin estrem.

Fl-aħħar jiem, Macron kien qed jikkampanja u jħeġġeġ lill-votanti biex jagħtuh maġġoranza solida. Madanakollu huwa tilef ħafna siġġijiet, f’elezzjoni li qasmet il-politika Franċiża.

Il-Prim Ministru, li Macron ħatar riċentament, Elisabeth Borne, iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda bla preċedent.

“Is-sitwazzjoni li ninsabu fiha hija ta’ theddida għal pajjiżna aktar u aktar meta wieħed iħares lejn l-isfidi li qed niffaċċjaw kemm fuq livell lokali u anke internazzjonali,” qalet. “Se nkomplu naħdmu biex nibnu maġġoranza li tkun tista’ taħdem.”

Iżda dan mhux se jkun faċli hekk kif l-akbar żewġ gruppi fl-Assemblea ma jidhrux interessati li jikkoperaw ma’ Macron.

Dan ifisser li l-President Franċiż se jsibha ħafna aktar bit-tqila biex jimplimenta l-miżuri u r-riformi li kkampanja dwarhom meta sar President.

L-alleanza li tat daqqa ta’ ħarta lil Macron qed tissejjaħ Nupes u hija mmexxija minn Jean-Luc Mélenchon, politiku tax-xellug estrem li ġab flimkien il-partiti xellugin mal-Komunisti u l-Ħodor.

Huwa qal lill-partitarji tiegħu lill-partit presidenzjali sofra disfatta kbira u li issa kollox jinsab f’idhom.

Intant, anke Marine Le Pen u l-partit tagħha tal-Lemin Estrem, kienu sodisfatti u ċċelebraw ir-riżultat hekk kif minn tmien siġġijiet, issa rebħu 89. 

“L-avventura ta’ Macron issa spiċċat,” qalet Le Pen waqt li fakkret li issa se jkun qed imexxi gvern ta’ minoranza. Sa xaharejn ilu, Macron qalibha lil Le Pen, mhux bi ftit, meta rebaħ it-tieni terminu tiegħu.

Il-partit ta’ Macron sofra tnaqqis ta’ 100 siġġu u issa għandu biss maġġoranza relativa. Dan ifisser li issa jrid jinnegozja mar-Repubblikani Konservattivi biex ikun jista’ jgħaddi r-riformi li wiegħed.

Dawn x’aktarx li jaqblu mal-proposta tiegħu li jgħolli l-età ta’ irtirat għal 65 sena, iżda x’aktarx li jkollu jċedi riformi oħra li ma’ dawn mhux se jinżlu tajjeb.

More in Barranin