Macron, Scholz u Draghi jivjaġġaw flimkien lejn l-Ukrajna hekk kif qed iwiegħdu aktar għajnuna

 Intant ir-Russi komplew jassedjaw il-belt ta’ Severodonetsk bil-gvernatur reġjonali jgħid li hemm 10,000 persuna maqduba

Tliet mexxejja Ewropej ivjaġġaw flimkien lejn l-Ukrajna u qed iżuru bliet viċin il-kapitali Ukrena Kyiv biex jaraw b’għajnejhom il-ħerba li qed tħalli warajha l-invażjoni Russa.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi u l-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz bdew iż-żjara tagħhom fl-Ukrajna fil-belt ta’ Irpin, viċin il-Kapitali.

F’Marzu li għadda, il-forzi Russi attakkaw u ħadu f’idhom din il-belt biex ikunu aktar viċin il-Kapitali Ukrena

Kien f’din il-belt li nstabu 290 katavru ta’ nies ċivili li nqatlu fl-attakki mir-Russi.

Il-Kanċillier Ġermaniż insista li din iż-żjara mhux se tkun sempliċiment okkażjoni fejn jieħdu ritratt imma saħaq li l-għajnuna mwiegħda trid timmaterjalizza.

Scholz kien wiegħed l-għoti ta’ aktar armi b’saħħithom lill-Forzi Ukreni biex ikunu jistgħu jirriżesti u jimbuttaw lura lil dawk Russi.

Fl-istess ħin li waslu l-mexxejja, fil-Kapitali Kyiv bdew jindaqqu s-sireni li issa saru komuni hekk kif l-attakki ma jiqfux.

Aktar tard huma se jkunu qed jiltaqgħu wkoll mal-President Ukren Volodymyr Zelensky.

 Intant, ir-Russi komplew jassedjaw il-belt ta’ Severodonetsk bil-gvernatur reġjonali jgħid li hemm 10,000 persuna maqduba.

Ir-riżorsi u l-affarijiet l-aktar sempliċi bħall-ilma qed isiru dejjem aktar skarzi, b’mod partikolari għal dawk li jinsabu maqbuda fl-impjant kimiku.

More in Barranin