Ir-Russja waslet biex tieħu f'idha l-belt ta' Severodonetsk u taqtagħha mill-bqija tal-Ukrajna

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky qal li l-Forzi Ukreni u dawk Russi qed jiġġieldu "litteralment għal kull metru"

Ir-Russja qed tkompli tavvanza fl-Ukrajna hekk kif issa tinsab ftit 'il bogħod milli tieħu f'idha wkoll il-belt strateġika ta' Severodonetsk li fost oħrajn tinkludi impjant kimiku.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky qal li l-Forzi Ukreni u dawk Russi qed jiġġieldu "litteralment għal kull metru."

Madanakollu, jidher li l-Ukreni spiċċaw 'il barra miċ-ċentru ta' din il-belt, hekk kif ir-Russja intensifikat l-attakki tagħha.

Il-Gvernatur Reġjonali, Serhiy Haidai qal li Severodonetsk se tispiċċa maqtugħa mill-bqija tal-Ukrajna jekk ir-Russi jattakkaw u jkissru l-aħħar pot li jgħaqqad lil din il-belt mal-bqija tal-pajjiż. Sa issa, r-Russja diġà ġarrfer żewġ pontijiet.

Ilbieraħ, duħħan deher ħiereġ minn biswit l-impjant kimiku li jinsab f'din il-belt hekk kif ir-Russja wettqet attakk bil-missili.

Dwar dan, Zelensky qed jitlob l-għajnuna u qed jisħaq li l-Ukrajna għandna bżonn sistemi moderni ta' difiża bil-missili waqt li qal li minn meta bdiet l-invażjoni, ġew sparati xejn inqas minn 2,600 missili mir-Russi.

Din il-belt tinsab eżatt mal-fruntiera Russa.

More in Barranin