Trump akkużat 'b'attentat ta' kolp ta' stat' hekk kif ikompli s-smigħ dwar l-attakk fuq il-Capitol

Partitarji tal-eks President  kienu attakkaw u daħlu fil-binja tal-Capitol nhar is-6 ta’ Jannar 2021, fl-istess ġurnata li fiha kienet se tkun iċċertifikata r-rebħa ta’ Joe Biden, bħala President ġdid Amerikan

L-eks President Amerikan Donald Trump qed ikun akkużat li “b’attentat ta’ kolp ta’ stat’ hekk kif tkompli l-inkjesta dwar l-attakk li seħħ fuq il-Capitol, il-qalba tad-demokrazija Amerikana, fis-6 ta’ Jannar 2021.

Bħalissa qed issir inkjesta mill-Kungress Amerikan dwar dan l-attakk, bir-Repubblikana Liz Cheney, il-Viċi Chairperson tal-Kumitat, saħqet li bi kliemu, Trump “xegħel il-fjamma għal dan l-attakk.”

Partitarji tal-eks President  kienu attakkaw u daħlu fil-binja tal-Capitol nhar is-6 ta’ Jannar 2021, fl-istess ġurnata li fiha kienet se tkun iċċertifikata r-rebħa ta’ Joe Biden, bħala President ġdid Amerikan.

Trump, li ma kienx aċċetta t-telfa u baqa’ jgħid li kien hemm tbagħbis fil-voti, kien organizza attività tal-massa, ftit ‘il bogħod u li ntemmet ftit qabel beda l-attakk. 

Sena wara li bdiet l-investigazzjoni, il-Kumitat li twaqqaf mill-Kamra tar-Rappreżentanti, immexxija mid-Demokratiċi, wera siltiet minn intervisti li saru ma’ wħud mill-aktar persuni viċin Trump.

Fost oħrajn, deher l-eks Avukat Ġenerali Amerikan, Bill Bar li qal li kemm-il darba insista ma' Trump biex jaċċetta l-fatt li tilef l-elezzjoni u li mhuwiex minnu li kien hemm frodi fil-voti. 

Anke bint Trump stess, Ivanka Trump, tinstema’ tgħid li kienet aċċettat dak li kien qed jgħid Bar.

Liz Cheney saħansitra qrat xhieda li tgħid li Trump, meta sar jaf li partitarji tiegħu daħlu l-Capitol u riedu joqtlu lil Mike Pence (il-Viċi President tiegħu), qal li “kien ħaqqu.”

More in Barranin