
70 sena tirrenja! Kap tal-Monarkija u tal-familja Rjali, ir-Reġina Eliżabetta tiċċelebra l-Ġubilew tal-Platinu
Rat gwerrer, kriżijiet ekonomiċi, divorzji rjali u l-iskandli tal-Prinċep Andrew! Ir-Reġina Eliżabetta nieqsa miċ-ċelebrazzjonijiet iżda ssegwi xorta...

minn Anthea Cachia
.png)
Ir-Reġina Eliżabetta t-tieni, f'dawn il-jiema qed tiċċelebra l-Ġubilew tal-Platinu li jissimbolizza 70 sena minn meta ngħatat il-kuruna u saret ir-Reġina tar-Renju Unit. Ir-Reġina Eliżabetta hija l-aktar persuna mill-monarkija Ingliża li damet fuq it-tron Irjali hekk kif ingħatat l-irwol meta kellha 27 sena.
70 sena wara, ir-Reġina ġiet milqgħuha minn Irjali, membri Parlamentari u diplomatiċi fost l-oħrajn biex jiċċelebraw xi ħaġa li qatt ma ġrat qabel. L-aktar persuna li damet bħala l-Kap tal-Monarkija kienet ir-Reġina Victoria li kienet għamlet 63 sena bħala Reġina sa' ma mietet fl-età ta' 81 sena, fl-1901.

Madankollu fl-ewwel jum taċ-ċelebrazzjoni r-Reġina esperjenzat problemi ta' mobilità u għejja u kien għalhekk li l-għada fil-quddiesa li saret fil-Katidral ta' San Pawl f'Londra, "b'dispjaċir kbir" hija għażlet li ma tattendix u ssegwi minnflok mill-Kastell ta' Windsor. Fost l-attendenza fil-quddiesa kien hemm is-suċċessur tar-Reġina Eliżabetta - l-ewwel iben minn erbgħa - il-Prinċep Karlu kif ukoll il-Prinċep William, iben tal-Prinċep Karlu.

Preżenti wkoll kien hemm il-Prim Ministru Boris Johnson li ma ntlaqa' xejn tajjeb mill-persuni preżenti hekk kif tqajmet kommossjoni meta ntlemaħ. Miegħu kien hemm ukoll l-eks Prim Ministri Ingliżi Tony Blair, Gordon Brown, David Cameron u Theresa May. Minn naħa l-oħra kienu bosta nies li laqgħu b'ħeġġa kbira lill-Harry u Meghan li kienu ilhom neqsin minn attivitajiet Irjali minn meta ddeċidew li jneħħu t-titli tagħhom u jmorru jgħixu l-Amerika ma' binhom Archie u binthom Lillibet-Diana, li llum għalqet sena.

Inqas nies mis-soltu li raw iċ-ċelebrazzjonijiet irjali fuq it-televiżjoni
Skont figuri maħruġa minn rapporti Ingliżi, meta mqabbel mas-soltu ma tantx kien hemm persuni li għażlu li jseġwu ċ-ċelebrazzjonijiet minn djarhom. Madankollu, sa' issa, kien hemm 7.5 miljun persuna li segwiet l-avvenimenti permezz ta' xandiriet diretti mill-BBC. Biex nagħmlu kuntrast ma' udjenzi ta' avvenimenti Rjali oħra:
- Fl-1997, 32.1 miljun persuna segwiet il-funeral ta' Lady Diana.
- Fl-1981, 28.4 miljun persuna sewgiet iż-żwieġ tal-Prinċep Karlu u Diana.
- Fl-2011, 26 miljun persuna segwiet iż-żwieġ tal-Prinċep William u Kate.
- Fl-1986, 19-il miljun persuna segwiet iż-żwieġ tal-Prinċep Andrew u Sarah Ferguson.
- Fl-2018, 18-il miljun persuna segwiet iż-żwieġ ta' Harry u Meghan.
- Fl-2021, 13-il miljun persuna segwiet il-funeral tal-Prinċep Filippu.
- Fl-2005, 7.4 miljun persuna sewgiet it-tieni żwieġ tal-Prinċep Karlu u Camilla.

Kif se jkun imfakkar il-Prinċep Filippu fil-Ġubilew?
Ir-Reġina Eliżabetta u l-Prinċep Filippu, li kienu ilhom miżżewġin 73 sena nfirdu fid-9 ta' April fl-2021, minħabba l-mewt tiegħu, xahrejn qabel ma kien mistenni li jagħlaq 100 sena. Bħala ġest kommemorattiv u simboliku għar-reġina, il-kantant Ed Sheeran se jkanta d-diska popolari tiegħu 'Perfect' fil-pageant tal-Ġubilew, li se jsir għada. Din id-diska se tkun akkumpanjata minn muntaġġ tal-memorji tal-koppja Rjali.
