19-il tifel u tifla u żewġ adulti jinqatlu fi sparatura ġo skola f'Texas

L-aggressur inqatel fuq il-post mill-Pulizija stess

21 persuna tilfu ħajjithom wara sparatura fi skola primarja fin-nofsinhar tal-istat ta’ Texas fl-Istati Uniti.

Żagħżugħ ta’ 18-il sena daħal f’Robb Elementary School fil-belt ta’ Uvalde u qabad jispara bl-addoċċ. Huwa qatel dsatax-il tifel u tifla u żewġ adulti.

Eventwalment, meta waslu l-Pulizija, kellhom jisparaw u joqtlu lill-istess aggressur.

Skont siti tal-aħbarijiet internazzjonali, l-istess żagħżugħ spara lin-nanna tiegħu qabel mar jispara fl-iskola. Din tinsab fil-periklu tal-mewt.

Intant, f’diskors ftit wara l-isparatura, il-President Amerikan Joe Biden stieden lill-politiċi kollha biex jaħdmu biex ikun ikkontrollat aktar il-bejgħ tal-armi.

"Irridu nieqfu lil-lobby tal-armi," saħaq Biden waqt li saħaq li ma jistax ikun li jerġa' jkun ripetut "massakru" ieħor.

More in Barranin