Suldat Russu jingħata sentenza ta' għomor il-ħabs wara li nstab ħati b'reati ta' gwerra

Dan kien l-ewwel suldat Russu li nstab ħati ta' reat ta' gwerra minn meta bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russi

Qorti fil-Kapitali Ukren Kyiv sabet ħati b'reati ta' gwerra lil suldat Russu ta' 21 sena li tressaq akkużat li spara u qatel persuna ċivili li ma kinitx armata.

Is-suldat ingħata sentenza ta' għomor il-ħabs. Vladim Shishimarin ammetta fil-Qorti li qatel raġel ta' 62 sena fl-ewwel jiem tal-invażjoni.

Fil-fatt, huwa nstab ħati ta' delitt premeditat, bl-Imħallef Sergiy Agofonov jisħaq li s-suldat kiser il-liġijiet marbuta mal-gwerra. Insista li l-intenzjoni tas-suldat kienet ċara, jiġifieri li joqtol lir-raġel.

Fix-xhieda tiegħu, is-suldat Russu qal li spara u qatel lir-raġel minħabba pressjoni minn suldat ieħor, fil-ħin li kienu qed iċedu u kienu qed jipprovaw jaħarbu lura lejn ir-Russja permezz ta' karozza misruqa.

Huwa talab skuża u talab maħfra wkoll lil mart il-vittma.

L-Avukat tas-suldat qal li se jkunu qed jappellaw mis-sentenza.

Intant, qabel is-seduta, il-Kremlin qal li filwaqt li huwa "inkwetat" bil-każ tas-suldat tiegħu, fl-istess ħin ma jistax joffru assistenza diretta għax ir-Russja ma għandhiex preżenza diplomatika fl-Ukrajna.

"Dan ma jfissirx li mhux se nipprovaw kull triq oħra possibbli. Il-ħajja ta' kull ċittadin Russu hija ta' importanza kbira għalina," saħaq il-kelliem għall-Gvern Russu.

Din is-sentenza mistennija tiftaħ il-bieb għal diversi sentenzi oħra simili hekk kif l-Ukrajna fetħet eluf ta' każi simili.

More in Barranin