Forzi Ukreni jimbuttaw lis-suldati Russi 'l barra minn Kharkiv u jaslu sal-fruntiera

Il-President Ukren Zelenskyy faħħar il-qlubija tas-suldati Ukreni u qal li dan l-avvanz tal-Forzi Ukreni huwa prova li mhux se jċedu jew jaqtgħu qalbhom

Forzi Ukreni li qed jiddefendu l-belt ta’ Kharkiv irnexxielhom ireġġgħu lura l-avvanzi Russi u issa waslu sal-fruntiera mar-Russja.

Ikkonferma dan il-gvernatur reġjonali filwaqt li l-istess suldati tefgħu filmat, li fih qed jindirizzaw lill-President Ukren biex jinfurmawh li huma waslu u issa jinsabu mal-fruntiera Russa.

“Wasalna. Aħna qegħdin hawn,” qal wieħed mis-suldati fil-filmat.

Kharkiv hija t-tieni l-akbar belt Ukrena u l-Forzi Ukreni, fl-aħħar jiem, irnexxielhom jreġġgħu lura l-avvanzi li kienu għamlu r-Russi u baqgħu baqgħu sakemm tefgħu lill-Forzi Russi ‘l barra.

Madanakollu, dan ma jfissirx li kollox ward u żahar. Ir-Russja xorta waħda qed tkompli tattakka lil din il-belt mill-ajru.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren Zelenskyy faħħar il-qlubija tas-suldati Ukreni u qal li dan l-avvanz tal-Forzi Ukreni huwa prova li mhux se jċedu jew jaqtgħu qalbhom.

Kharkiv tinsab biss 80 kilometru ‘l bogħod mill-fruntiera Russa. Hija belt kbira, bil-maġġoranza tar-residenti jitkellmu r-Russu. Qabel il-gwerra, kienu jgħixu fiha aktar minn 1.4 miljun persuna.

Kharkiv kienet waħda mill-miri ewlenin tar-Russja hekk kif l-għan ewlieni tagħha kien li tieħu f’idha l-ibliet ewlenin.

More in Barranin