Attakk bil-missili fuq Kjiv fil-ħin li kien qed iżur il-belt is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda

Il-President Ukren saħaq li b'dan l-attakk ir-Russja pprovat tumilja lill-Ġnus Magħquda u dak kollu li din l-organizzazzjoni tirrappreżenta

Guterres u Zelensky waqt konferenza ftit ħin biss qabel attakk bil-missili fuq Kjiv
Guterres u Zelensky waqt konferenza ftit ħin biss qabel attakk bil-missili fuq Kjiv

Ir-Russja kompliet l-attakki bil-missili fuq il-kapitali Ukrena Kjiv, fl-istess ħin li kien qed iżur l-istess belt is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres.

Fil-fatt, il-missili niżlu fit-toroq ta’ Kjiv siegħa biss wara li Guterres u l-President Ukren Volodomyr Zelensky temmew konferenza tal-aħbarijiet u li fiha l-istess Guterres ikkritika l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li ma kienx kapaċi jippreveni jew itemm il-Gwerra.

F’kummenti dwar dawn l-attakki, li fost oħrajn laqtu binjiet residenzjali, il-President Zelensky akkuża lir-Russja li pprovat tumilja lill-Ġnus Magħquda u dak kollu li din l-organizzazzjoni tirrappreżenta.

Insista li l-attakk ikompli jikkonferma l-attitudni li r-Russja għandha lejn dawn l-istituzzjonijiet internazzjonali.

Zelensky saħaq li kien importanti li l-uffiċjali tal-Ġnus Magħquda jżuru l-oqbra tal-massa f’Borodyanka u ankr fir-reġjun ta’ Kjiv biex jaraw b’għajnejhom dak li wettqet ir-Russja.

Qal ukoll li l-attakki fuq bliet oħra, inkluż Odessa, jikkonfermaw li l-Ukrajna ma tistax ma tirrispondix bis-saħħa.

More in Barranin