Ministru Russu jwissi li r-riskju li tfaqqa' t-Tielet Gwerra Dinjija huwa 'reali'

Dan hekk kif illum diversi pajjiżi se jiltaqgħu biex jiddiskutu aktar għajnuna għall-Ukrajna b'mod partikolari fejn jidħlu l-armi

Ir-Russja wissiet li t-theddida li tfaqqa’ t-Tielet Gwerra Dinjija hija “reali” u dan hekk kif illum l-Istati Uniti u pajjiżi oħra alleati mistennija jiltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni fl-Ukrajna u anke aktar għajnuna li jistgħu joffru fosthom armi.

Meta kien qed jitkellem fuq stazzjonijiet televiżiżi Russi, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, Sergei Lavrov wissa li r-riskju li tfaqqa’ t-Tielet Gwerra Dinjija huwa “serju.”

Saħansitra wissa li hemm "riskju konsiderevoli” li l-kunflitt jeskala anke bl-użu ta' armi nukleari.

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky ilu ħafna jitlob lill-pajjiżi tal-Punent għal aktar armi, anke ajruplani militari. Kien hemm drabi fejn saħansitra saħaq li mingħajr din l-għajnuna, l-Ukrajna ma tistax tirbaħ din il-gwerra u r-Russja tispiċċa tinvadi pajjiżi oħra.

Jidher li t-talbiet ta’ Zelensky qed jaslu hekk kif diversi pajjiżi membri tan-NATO qed jaqblu li jibagħtu aktar armi b’saħħithom lill-Ukreni.

Fl-aħħar jiem, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken u anke l-Kap tal-Pentagon, Lloyd Austin marru Kjiv u ltaqgħu ma’ Zelensky fejn wiegħduh $700 miljun f’għajnuna.

Intant, illum 40 pajjiż laqgħu l-istedina tal-Istati Uniti biex jiltaqgħu fil-Ġermanja u jiddiskutu aktar għajnuna għall-Ukrajna.

Fost oħrajn se jkunu qed jattendu wkoll il-Fillandja u l-Iżvezja li anke jekk huma newtrali bdew jikkunsidraw is-sħubija fin-NATO meta r-Russja bdiet tinvadi l-Ukrajna.

Min-naħa tiegħu, Vladimir Putin mistenni jiltaqa’ mal-President Tork Recep Tayyip Erdogan.

More in Barranin