Filmat | Putin jordna biex l-aħħar suldati Ukreni f'Mariupol jiġu assedjati biex 'lanqas dubbiena ma taħrab'

Huwa awgura lill-Ministru tiegħu tad-Difiża għal dak li sejjaħlu bħala suċċess f'Mariupol hekk kif iddikjara li din il-belt strateġika tinsab issa f'idejn ir-Russja

F'laqgħa li ġiet trasmessa fuq it-televiżjoni, il-President Russu Vladimir Putin ordna lill-Ministru tiegħu għad-Difiża biex ir-Russi ma jattakkawx iż-żona industrijali f'Mariupol li fiha qed jistkennu l-aħħar suldati Ukreni u anke xi ċittadini.

Minflok, il-President Russu ordna lill-Ministru tiegħu biex il-forzi Russi jassedjaw u jagħlqu kompletament din iż-żona industrijali biex "lanqas dubbiena ma tkun tista' taħrab."

Huwa awgura lil Sergei Shoigu, il-Ministru tiegħu, għas-suċċess f'Mariupol hekk kif skont il-Kremlin, din il-belt strateġika issa tinsab f'idejn ir-Russja.

Intant l-Ukrajna għadha ma kkonfermatx li din il-Belt issa tinsab fil-kontroll tar-Russi.

Aktar qabel

Wieħed mill-uffiċjali l-aktar viċin Putin u kmandant fl-armata Russa, Ramzan Kadyrov qal li llum il-belt strateġika ta’ Mariupol se tkun qed taqa’ f’idejn ir-Russi. Anke l-Ukrajna qed tirrikonoxxi li l-forzi tagħha f’din il-belt ma jistgħux jirreżistu għal ħafna aktar.

Din il-belt li tinkludi port importanti, ilha xaharejn assedjata u fil-mira tar-Russja li tridha f’idha akkost ta’ kollox.

Il-Forzi Ukreni u magħhom mijiet ta’ persuni jinsabu assedjati f’fabbrika tal-ħadid fl-istess ħin li għadu għaddej il-ġlied u l-attakki bil-missili fil-madwar.

Ilbieraħ, kmandant Ukren bagħat messaġġ irrekordjat u insista li dan jaf ikun l-aħħar messaġġ mibgħut minn din il-belt. Insista li anke jekk il-Forzi Russi huma ħafna akbar minn dawk Ukreni u minkejja s-sitwazzjoni li jinsabu fiha f’din il-belt, mhumiex se jċedu u se jibqgħu jiġġieldu u jirreżistu sal-aħħar. 

Anke l-President Ukren Volodymyr Zelensky ammetta li din il-belt jaf taqa’ dalwaqt f’idejn ir-Russja hekk kif il-forzi Ukreni ma għandhomx biżżejjed armi b’saħħithom biex jirreżistu lill-forzi Russi li qed javvanzaw f’din il-belt. 

More in Barranin