Filmat | 'Dan jista' jkun l-aħħar messaġġ tagħna' - Kmandant Ukren maqbud f'Mariupol

Ir-Russja tagħti ultimatum ta' ftit sigħat biex il-Forzi Ukreni jċedu l-belt strateġika ta' Mariupol filwaqt li l-Forzi tal-Kremlin jieħdu f'idhom il-kontroll tal-ewwel belt fil-Lvant tal-Ukrajna

Is-sitwazzjoni fil-belt ta' Mariupol hija waħda ħażin ħafna hekk kif eluf ta' persuni għadhom maqbuda fiha mingħajr ikel, mediċina u bżonnijiet oħra bażiċi.

L-attakki fuq din il-belt, waħda mill-aktar milquta bl-attakki, għadhom għaddejin bla nifs. Skont id-Deputat Sindku, Segei Orlov, għad hemm madwar 130,000 ċittadin maqbud fiha.

Il-Forzi Russi qed jersqu viċin u qed jassedjaw impjant tal-ħadid li fih qed jistkennu l-aħħar suldati Ukreni li fadal fil-belt u anke xi familji. 

Minkejja l-aħħar ultimatum mogħti mir-Russja, l-ebda suldat Ukren maqbud f'din il-belt għadu ma ċeda. 

Fi-fatt, kmandant li jinsab mal-bqija tas-suldati maqbud f'din il-fabbrika tal-ħadid, bagħat messaġġ irrekordjat li fih insista li l-ebda suldat mhu se jċedi u se jibqa' jiġġieled.

"Dan huwa l-indirizz tagħna lid-dinja u jista' jkun l-aħħar wieħed. Jista' jkun fadlilna l-aħħar ftit jiem jew sigħat," insista l-Kmandant.

Saħaq li l-forzi Russi huma għaxar darbiet akbar minn dawk Ukreni u għandhom il-kontroll tal-ajru u tat-toroq f'din il-belt. Fil-fatt, ir-Russja qed twettaq bla nifs diversi attakki mill-ajru fuq din il-belt, filwaqt li t-toroq huma miżgħuda tankijiet tal-gwerra.

"Qed niddefendu ħaġa waħda, l-impjant fejn is-suldati u n-nies huma maqbuda," insista.

Intant komplew ukoll l-attakki mir-Russja fuq ir-reġjun tad-Donbas, fil-Lvant tal-Ukrajna, bit-truppi tal-Kremlin jieħdu f'idhom il-belt ta' Kreminna.

More in Barranin