Il-gwerra fl-Ukrajna tidħol f'fażi ġdida; Ir-Russja tniedi attakk qalil fuq ir-reġjun tad-Donbas

Il-kunflitt fid-Donbas, bejn forzi Ukreni u separatisti favur ir-Russja ilu għaddej mill-2014 imma intensifika mhux ftit kemm ilha li bdiet l-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna

Matul il-lejl li għadda r-Russja bdiet attakk qalil fuq il-Lvant tal-Ukrajna, b'mod partikolari fuq ir-reġjun tad-Dombas u dan wara li falliet milli tagħmel avvanz fi bnadi oħra, inkluż fl-attakk tagħha fuq il-Kapitali.

Il-kunflitt fid-Donbas, bejn forzi Ukreni u separatisti favur ir-Russja ilu għaddej mill-2014 imma intensifika mhux ftit kemm ilha li bdiet l-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna.

"Issa nistgħu nikkonfermaw li t-truppi Russu bdew il-battalja tad-Donbas, li ilhom jippreparaw ħafna," saħaq il-President Ukren Volodymyr Zelensky. "Jiġu kemm jiġu suldati Russi, aħna se niġġieldu. Aħna se niddefendu lilna nfusna."

Il-Gvern Ukren ilu diversi ġimgħat iħeġġeġ liċ-ċittadini li jgħixu f'dan ir-reġjun biex jaħarbu.

Tkellem ukoll konsulent ta' Zelensky li ddeskriva dan l-avvanz bħala t-tieni fażi ta' din il-gwerra. Saħaq li jekk ir-Russja tieħu f'idha l-kontroll tad-Donbas ikollha f'idha aċċess dirett għall-Krimea, li kienet invadiet u ħadet f'idha wkoll. 

Intant komplew l-attakki fuq bliet oħra, inkluż il-belt ta' Mariupol, waħda mill-aktar bliet Ukreni li rat attakki.

More in Barranin