Sitt persuni jinqatlu wara li ħames missili laqtu l-belt Ukrena ta' Lviv

F'din il-belt li tinsab 70 kilometru biss 'il bogħod mill-fruntiera mal-Polonja qed jistkennu diversi Ukreni li kellhom jaħarbu minn djarhom li jinsabu f'żoni aktar milquta mill-gwerra

Matul il-lejl li għadda ħames missili laqtu l-belt Ukrena ta’ Lviv li fiha kienu qed jistkennu diversi Ukreni li kellhom jaħarbu minn djarhom f’żoni aktar milquta mill-ġlied.

Fil-fatt, din il-belt li tinsab fil-punent tal-pajjiż kienet meqjusa pjuttost sigura hekk kif ma kinitx milquta minn ħafna attakki qabel il-lejl li għadda. 

Propju għalhekk li f’din il-belt, li tinsab 70 kilometru biss ‘il bogħod mill-Polonja, sabu refuġju diversi Ukreni.

Il-gvernatur tar-reġjun, Maksym Kozystkiy qal li sitt persuni nqatlu waqt dan l-attakk filwaqt li oħrajn weġġgħu.

Tliet missili kienu mmirati lejn faċilitajiet militari.

Intant kompla jiżdied il-ġlied u anke l-attakki fuq bliet u reġjuni oħra fl-Ukrajna, bil-President Ukren Volodymyr Zelenskyy jgħid li r-Russja trid iġġib fix-xejn ir-reġjun tad-Donbas u tħassar minn fuq wiċċ id-dinja postijiet oħra.

Ir-reġjun tad-Donbas li huwa magħmul miż-żewġt ibliet ta’ Luhansk u Donetsk ra ġlied kbir mill-2014 ‘l hawn bejn il-forzi Ukreni u separatisti li huma favur ir-Russja.

Il-ġlied kompla jintensifika minn meta bdiet l-invażjoni tar-Russja u issa jidher li Moska qed tħejji għal attakk qalil fuq dan ir-reġjun. 

More in Barranin