L-UE u l-Istati Uniti mistennija jimponu aktar sanzjonijiet kontra r-Russja

Dan hekk kif ir-Russja qed tkompli tħarrex l-attakki tagħha fid-dawl tal-fatt li sa issa falliet milli tieħu f'idha l-kontroll ta' bliet importanti Ukreni

L-Unjoni Ewropea u anke l-Istati Uniti mistennija jimponu sanzjonijiet ġodda kontra r-Russja hekk kif il-Kremlin qed ikompli jkun akkużat u investigat minħabba l-atroċitajiet li qed iwettaq fl-Ukrajna, fosthom l-imwiet ta’ mijiet ta’ persuni innoċenti.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy, qal li hu u l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Punent iddiskutew sett ġdid ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja.

Jidher li l-Istati Uniti, b’kordinazzjoni mal-Unjoni Ewropea u l-G7 qed iħarsu lejn sanzjonijiet biex ikun ipprojbit kwalunkwe investiment ġdid fir-Russja.

L-Unjoni Ewropea, min-naħa tagħha, mistennija timponi l-ħames sett ta’ sanzjonijiet u li mistennija jolqtu s-settur tal-enerġija, għall-ewwel darba.

Intant għaddejin l-investigazzjonijiet dwar dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat hekk kif il-biżgħa hija li r-Russja se tkompli tħarrex l-attakki tagħha hekk kif falliet milli tieħu f’idha l-kontroll tal-Ukrajna jew inkella ta’ bliet prinċipali.

Moska issa qed tikkonċentra fuq il-Lvant u anke n-nofsinhar tal-Ukrajna. 

Eluf ta’ persuni tilfu ħajjithom minn hemm bdew l-attakki fl-24 ta’ Frar b’miljuni ta’ Ukrani jaħarbu minn pajjiżhom.

More in Barranin