‘98% tad-donazzjonijiet mhux jidħlu fl-Ukrajna’

Anthony Caruana - li qed imexxi l-Malta 4 Ukraine - jgħid mal-gazzetta ILLUM li fost ammont kbir ta’ donazzjonijiet essenzjali, sfortunatament irċieva wkoll numru ta’ mediċini li ilhom skaduti 15-il sena, u oħrajn tal-Gvern u jappella għar-rispett lejn dawk fil-bżonn...

Irridu niftakru li minkejja li issa għandna leġiżlatura ġdida, l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja se tkun ilha aktar minn xhar għaddeja. Midja barranija rrapportat li fil-bidu ta’ dan ix-xhar mietu madwar 3,000 suldat Ukreni: 572 suldat li qed jinżammu priġunieri u 922 ċittadin. 

Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Anthony Caruana li flimkien ma’ martu ħolqu organzizzazzjoni biex fil-ġimgħat li ġejjin imorru fl-ewwel vjaġġ lejn l-Ukrajna.  U li sebat ‘ijiem qabel ma bdiet il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja kien qiegħed fl-Ukranja stess.  

Kmieni filgħodu qajmitni l-mara tibki. 

Caruana spjega li l-mara tiegħu hija Ukrena u ftit xhur wara t-twelid tat-tarbija tagħhom, xtaqu li jżuru lill-qraba tagħha fil-pajjiż. Bi tbissima jgħid li minkejja li l-pjan kien li jdumu biss ftit aktar minn ġimgħa fl-Ukrajna, il-vaganza estendewha għal xahar sħiħ.  

Caruana rrakkonta wkoll il-mument fejn hu u martu ħadu l-aħbar li faqqgħet gwerra. “Esperjenza kerha, kmieni filgħodu qajmitni l-mara tibki. Domt ħafna biex ikkalmajtha imbagħad fhimt li l-gwerra li kienu ilhom isemmu faqqgħat. Trid tqis li ħmistax qabel, Putin kien ħabbar li se tfaqqa' gwerra. Kien żmien il-Milied tagħhom, jiġifieri fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar. Għax għadhom bil-kalendarju l-Grieg antik,” qal Caruana.  

Mistoqsi minn fejn ġie l-ħsieb li joħolqu organizzazzjoni, Caruana stqarr li l-mara tiegħu għamlet kważi erba’ snin ma’ Għaqda mhux Governattiva (NGO) bl-isem ta’ Step-In u jgħid li saħansitra tat l-għajnuna tagħha fl-Iraq, waqt iż-żmien tal-ISIS.  

Saħaq li l-pjan tagħhom minn dejjem kien li jagħtu l-għajnuna tagħhom fejn ikun hemm bżonn, ikun xi jkun il-pajjiż, iżda qatt ma’ basru li din kienet se tkun l-Ukrajna, art twelidha. 

“Allura hi ma pretenditx li xi ħaġa li xtaqna nagħmlu fil-futur, li mmorru ngħinu, kien se jkun pajjiżha li għandu bżonnha. Ħassitha ħuta barra mill-ilma li tinsab f’Malta bit-tarbija, filwaqt li familtha, sħabha u l-kollegi tagħha, li għandhom tant bżonn ta’ għajnuna bħalissa, ma tistax tgħinhom fiżikament,” qal Caruana.  

Huwa kompla jispjega li minn hemm twieldet l-idea ta’ ‘Malta 4 Ukraine’. Minn hemm bdiet ir-riċerka meħtieġa u żammew kuntatt mal-iStep-In li kienu fi triqithom lejn il-fruntieri Slovakki, biex iġibu l-green-pass għall-pajjiż.  

'Kollox magħluq: Ħwienet, supermarkets...' 

“Jien għidtilhom li kont se nibda’ xi ħaġa jiena hawn Malta u naraw fejn naslu. Jekk jinġabru flus jiġu trasferiti direttament lilhom u jkunu jistgħu jixtru t-tagħmir mediku u l-mediċini meħtieġa. F’każ li jingħataw donazzjonijiet, għiditlhom li se nkun qed nara kif se nwassalhom jien stess u mhux biss, anzi nidħol fil-pajjiż,” tenna Caruana.  

Il-fundatur ta’ din l-organizzazzjoni saħaq li fil-bidu ta’ din il-missjoni, bdew jiġbru  minn kollox u l-Maltin u l-Għawdxin bdew jagħtu ħafna donazzjonijiet tal-ħwejjeġ.  

Madankollu affarjiet essenzjali oħra ġew imwarba. Dan jinkludi kaxxi tal-ewwel għajnuna, mediċina bażika, oġġetti sanitarji bħal pads u tampuni u ikel għat-trabi. 

Huwa kompla jgħid li, “wieħed irid iqis li l-pajjiż filli qed jimporta u filli qiegħed no fly zone. L-arja magħluqa u biex tidħol irid ikollok raġuni speċifika. Supermarkets bħalissa  qegħdin vojta u ħwienet oħra tal-kummerċ imbattlin, magħluqa.” 

Kien għalhekk li waqfu d-donazzjonijiet tal-ħwejjeġ u bdew jiffukaw aktar fuq ikel u xorb mhux alkoħoliku “forsi għal xi ħadd li qasam il-fruntiera u dak li jkun tgħinu jikkalma, b’xi kikkra tè jew kafè.”  

Ħaġa oħra li bdew jiġbru hija dik imsejħa t-tourniquet li meta taraħ ikun qisu ċintorin. Dan jintuża f’każi li jkun hemm xi ġerħa fonda biex twaqqaf id-demm u għaldaqstant tnaqqas ir-riskju li persuna tmut kawża li tkun tilfet ħafna demm. Affarjiet essenzjali oħra li tant kellhom bżonn kienu t-tampuni, pads, sapun u aktar fost l-oħrajn.  

“Kollox imur fil-garaxx tagħna u għanda sitt volontiera, li minn hemm jgħinu billi jagħmlu lista tal-affarjiet li nġabru u naraw x’għandna bżonn aktar, filwaqt li jiċċekkjaw id-dati,” qal Caruana. 

Huwa ilmenta iżda li kien hemm min minflok donazzjoni, ta oġġett daqslikieku qed ibattal id-dar, inkluż medċini skaduti! “Aħna mhux nistaqsu għall-mediċini li ilhom li skadew mill-2007. Għandi basket sħiħ mediċini skaduti, u mediċini tal-Gvern. Aħna qed niġbru l-affarjiet għal persuni li għandhom bżonn l-għajnuna, mhux annimali. Lanqas annimal ma’ titratta hekk aħseb u ara bniedem,” kompla jgħid huwa.   

‘98% tad-donazzjonijiet mhux jidħlu fl-Ukrajna’  

Wara l-ġbir ta’ donazzjonijiet imbagħad ikun imiss li jiġu trasportati u hawn il-gazzetta staqsiet, kif inhu possibli li minn Malta ammonti kbar ta’ affarjiet jaslu qawwijin u sħaħ, f’nofs gwerra?  

Kien hawn li huwa rrimarka li biex jidħlu fil-pajjiż, issa kisbu d-dokumenti meħtieġa, apparti l-fatt li għandhom kuntatt dirett dwar ir-rottot siguri li jistgħu jgħaddu minnhom.  

Minkejja dan, jgħid li ħdejn il-fruntieri, ma’ kull kilometru (sa’ massimu ta’ 10 kilometri), hemm punt fejn trid tieqaf bil-vettura, tiġi mfittex u l-awtoritajiet jaraw id-dokumenti tal-persuna. Jgħid li sa’ issa  diġà bagħtu affarjiet essenzjali permezz ta’ trailers u ajruplani. Minkejja dan, huwa jgħid ukoll, li minn din l-esperjenza nħolqu xi problemi.  

98% tad-donazzjonijiet, qed imorru mal-fruntiera tal-Polonja, u dan ifisser li dawn  l-affarjiet mhux jidħlu fil-pajjiż. Kien hawn li huwa qal li l-għan ewlieni tagħhom hu li dawn l-affarjiet jidħlu fl-Ukrajna. Filwaqt li qal ukoll li għandhom xi kuntatti ma’ persuni li qed jirċievu r-refuġjati fi djarhom, fosthom qassisin u kunsilliera.  

‘Xtrajt vann minn buti biex nittrasporta l-affarjiet’  

“Irnexxielna nixtru vann!” qal Caruana. Minkejja dan huwa kompla jispjega kif kienet sfida, għaliex biex żgur ma jintużawx il-flus li ngħataw mill-Maltin u Għawdxin, inxtraw mill-but tal-familja Caruana.  

Qal li minkejja li din il-vettura, hija proprjetà tagħhom, f’Malta ma jistgħux isuquha għal kuljum minħabba l-kobor tagħha.  

“Bħalissa jinsab għand il-mekkanik u qiegħed jissewwa biex naraw li huwa sigur biex jinstaq 3,000 kilometru. Imbagħad għandna erbat ‘ijiem insuqu bla waqfien ħlief biex nistriehu għal ftit sigħat, fil-vann stess. La darba naslu fl-Ukrajna nkunu nistgħu nqassmu l-affarjiet li diġà bagħtna hemm,” qal Caruana.  

‘Aħna ma nistgħux nieħdu ħsieb lil kulħadd’  

Caruana tenna li diversi nies għamlu talbiet biex jingħataw l-għajnuna iżda huma għażlu li jiffukaw il-ħidma tagħhom fuq l-Ukreni li bħalissa jinsabu maqbuda f’nofs gwerra.  

Kien hawn li huwa fakkar li fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Ukranians for Malta’, hemm lista sħiħa ta’ nies li qed jilħqu numru kbir ta’ Ukreni li ġew Malta għal rifuġju.  

“Ħafna Maltin qed joffru wkoll akkomodazzjoni għal xahar, xahrejn u anke għal aktar. Aħna ma nistgħux nieħdu ħsieb lil kulħadd, għaliex kulma aħna - jien u l-mara - volontiera. Xorta qed ngħaddi din l-informazzjoni lin-nies u jekk aħna ma nistgħux ngħinuhom, ta’ l-inqas jingħataw dak li għandhom bżonn,” saħaq Caruana.  

Żied jgħid li fil-bidu kellu t-talba wkoll biex jinġabar l-ikel għall-annimali. “Ma konniex qed nieħdu ħsiebha, għaddejniha lil ħaddieħor u bdew iwassluhom mal-fruntiera. L-istess, ġol pajjiż mhux jidħol l-ikel tal-annimali, sal-fruntiera biss.”  

Kien għalhekk li mill-ġimgħa l-oħra fetħu l-bibien għal donazzjonijiet tal-annimali, li se jitilgħu magħhom fil-vjaġġ lejn l-Ukrajna. Anthony qal li diġà għandhom kuntatt ma’ nies li jistgħu iqassmu l-ikel tal-annimali wkoll.  

ILLUM: Il-Gwerra, se tolqotna lilna? Qiegħda tinkwetak?  

"Hemm ħafna opinjonijiet fuq hekk. Meta l-Vladimir Putin staqstewh xi jrid mill-Ukrajna qal, ‘jien m’għandix x’nambiha l-Ukrajna’. Allura d-domanda tibqa’, mela allura għaliex qed tattakkaha?  

Jiena nara l-Ukrajna qisha Malta. Il-Gżejjer Maltin huma fiċ-ċentru tal-Mediterran, meta mbagħad tħares lejn il-mappa Ukrena, din tgħaqqad il-Lvant ma’ xi sitt pajjiżi Ewropej bir-Russja fuqha. Simili għall-istorja ta’ Malta, li dejjem pruvaw jakkwistawha, l-Ukrajna dejjem pruvaw jieħdu minnha, għaliex il-kummerċ huwa fiċ-ċentru tagħha.  

F’dan il-każ l-Ukrajna jien naraha bħala bażi u forti li jekk taqa’, ir-Russja hemm ċans li se tinvadi l-Ewropa. Jiena nemmen li Malta bħalissa diġà qiegħda tbati, speċjalment meta tħares lejn l-ikel.  

L-Ukrajna għalhekk għandha l-bandiera isfar u blu għax l-isfar jirrappreżenta l-qamħ u l-blu l-arja. Bażikament, diġà rajt ukoll li qed jinħass in-nuqqas tad-dqiq u dan għadu biss il-bidu tal-gwerra. Timmaġina jekk din il-gwerra jkollha tkarkar sena, sentejn jew anke 15-il sena?"  

More in Barranin