Uffiċjali fl-Ukrajna qalu li matul il-lejl li għadda, Forzi Russi attakkaw u laqtu teatru fil-belt ta’ Mariupol li kien qiegħed jintuża bħala xelter minn uħud minn dawk li ma rnexxielhomx jaħarbu minn din il-belt.
Mariupol hija waħda mill-aktar bliet attakkata u minn tal-ewwel li għaddiet f’idejn ir-Russja.
Skont Dmytro Gurin, Deputat Ukren, aktar minn 1,000 persuna kienu qed jistkennu f’dan it-teatru meta seħħ l-attakk u dan minkejja messaġġ miktub b’ittri kbar (biex jidher mill-ajruplani) u li kien jgħid li fit-teatru kien hemm it-tfal.
“Il-piloti raw dan il-messaġġ imma xorta waħda attakkat dan it-teatru,” insista.
Fi kliemu, it-teatru ġie meqrud kompletament.
“Għadna ma nafux kemm mietu nies,” insista d-Deputat emozzjonat.
Fi kliemu, minħabba li l-infrastruttura tal-kommunikazzjoni fil-pajjiż ġiet attakkata wkoll, l-aħbarijiet minn Mariupol qed idumu aktar biex jaslu u għalhekk għadu mhux magħruf jekk dawk li kienu ġewwa salvawx.