Attakk fuq Kyiv sigħat biss qabel ikomplu t-taħdidiet bejn l-Ukrajna u r-Russja

Minn tal-inqas żewġ persuni tilfu ħajjithom u tnax-il persuna weġġgħu f'dan l-attakk

Minn tal-inqas żewġ persuni tilfu ħajjithom u tnax-il persuna weġġgħu wara attakk mill-ajru minn Forzi Russi u li matulu ntlaqat bini residenzjali fil-Kapitali Ukrena, Kyiv.

Ritratti u anke filmati juru d-diżastru li ħalla dan l-attakk u anke l-pumpiera jevakwaw diversi residenti li nqabdu fil-binja.

L-attakk seħħ ftit sigħat biss qabel kellha tibda r-raba' diskussjoni bejn id-delegazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi. 

It-tama, li dawn id-diskussjonijiet iħallu xi forma ta' progress diplomatiku tqawwiet hekk kif Mykhailo Podolyak, membru tad-delegazzjoni Ukrena, qal li d-diskussjonijiet tal-aħħar jiem kienu "kostruttivi."

"Jiena naħseb li se nkunu qed niksbu xi riżultati fil-jiem li ġejjin," qal Podolyak f'filmat ippubblikat onlajn.

Intant, aktar Ukreni komplew jaħarbu mill-gwerra f'pajjiżhom. Xejn inqas minn 1.75 miljun persuna qasmu lejn il-Polonja. 

More in Barranin