Aġġornata | 'Mhux se naħfru! Se nsibu lil kull min spara fuqna! Tistrieħu biss fil-qabar'

Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy akkuża lir-Russja bi qtil ta’ nies innoċenti u dan wara attakk li seħħ f’Irpin inqatlet familja, inkluż l-omm u ż-żewġt itfal tagħha.

Ir-Russja wiegħdet li se tkun qed tiftaħ kurituri umanitarji biex aktar Ukreni jkunu jistgħu jevakwaw. Fost dawn se tkun tiftaħ kuritur umanitarju għaċ-ċittadini tal-Kapitali Kjiv, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jaqsmu lejn il-Belarussja.

Madanakollu r-Russja kissret wegħdiet simili b’mod partikolari fil-belt ta’ Mariupol fejn l-isparar u l-attakki mill-forzi Russi komplew anke waqt is-sigħat li fihom kellu jkun hemm waqfien mill-ġlied.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy akkuża lir-Russja bi qtil ta’ nies innoċenti u dan hekk kif waqt attakk li seħħ f’Irpin inqatlet familja, inkluż l-omm u ż-żewġt itfal tagħha.B’kollox, f’dan l-attakk, mietu tmien persuni innoċenti. 

F'diskors imqanqal għall-aħħar, Zelenskyy insista li l-Ukrajna mhux se tinsa u lanqas mhu se taħfer u se ssib lil kull min spara fuq l-Ukreni u lil kull min huwa responsabbli mill-bombi u l-missili li qed jolqtu diversi bliet u joqtlu nies innoċenti.

'Mhux se naħfru u mhux se ninsew," insista Zelenskyy. "Mhux se jkun hemm post fejn se ssibu l-paċi. Imkien fid-dinja! Ħlief fil-qabar."

Min-naħa tagħhom, l-Ukreni qed jisħqu li reġgħu ħadu f’idhom il-belt ta’ Chuhuiv li kienet waqgħet f’idejn ir-Russi.

Sa issa, aktar minn 1.5 miljun persuna ħarbu mill-Ukrajna lejn pajjiżi oħra ġirien. 

More in Barranin