Kriżi Ukrajna | Ir-Russja tgħid li l-forzi tagħha qed jirritornaw lejn il-bażi; L-Amerikani u l-Ingliżi xettiċi

Il-President Amerikan Joe Biden saħaq li  "invażjoni imminenti" tal-Ukrajna għadha possibbli

Il-Ministeru għad-Difiża tar-Russja qed jisħaq li dalgħodu aktar forzi Russi ħallew Krimea u l-fruntiera viċin l-Ukrajna wara li lestew "drills militari."

Dawn wara li lbieraħ, ir-Russja qalet li wara li temmew it-taħriġ, it-truppi qed jirritornaw lura lejn il-bażi tagħhom.

Madanakollu, il-pajjiżi tal-Punent għadhom xettiċi dwar dan. Is-Segretarju tar-Renju Unit għad-Difiża, Ben Wallace, saħaq li għadu ma ra l-ebda evidenza li turi effettivament li r-Russja qed tirtira t-truppi tagħha minn biswit il-fruntiera.

"Minn fuq il-post, l-osservazzjoni fiżika qed turi l-oppost," insista waqt li fakkar li l-Krimea kienet parti sovrana mill-Ukrajna u r-Russja wettqet invażjoni fl-2014.

Anke l-President Amerikan Joe Biden għadu xettiku dwar dak li qed tgħid ir-Russja u qed jisħaq li "invażjoni imminenti" tal-Ukrajna għadha possibbli.

Insista li jekk dan iseħħ, l-Amerka mhux se tħalli lill-Ukrajna waħedha waqt li saħaq li l-prezz uman se jkun kbir.

More in Barranin