Il-Gvern jagħti parir lil Maltin fl-Ukrajna biex jaqbdu l-ewwel titjira lejn Malta

Is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Liz Truss, insista li huwa ċar li "jista' jkun hemm invażjoni imminenti fl-Ukrajna"

Hekk kif it-tensjoni fl-Ukrajna tkompli tikber, minħabba l-biża' ta' invażjoni mir-Russja, il-Gvern Malti qed jagħti parir lil Maltin li jinsabu fl-Ukrajna biex jaqbdu l-ewwel titjira disponibbli lura lejn Malta.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin appella wkoll biex għalissa jkun evitat l-ivjaġġar lejn l-Ukrajna.

Il-Gvern insista li se jibqa' jsegwi mill-qrib dak li qed iseħħ fil-pajjiż.

Kemm l-Istat Uniti u anke r-Renju Unit komplew jheddu lir-Russja b’sanzjonijiet ħorox jekk b’xi mod tipprova tinvadi l-Ukraina.

Qed ikun stmat li r-Russja poġġiet madwar 100,000 suldat, tankijiet, armi u anke missili viċin il-fruntiera mal-Ukrajna.

Dan minkejja li l-President Russu, Vladimir Putin, insista aktar minn darba li ma għandu l-ebda pjan li jinvadi l-Ukrajna. Huwa qal dan anke ma' mexxejja oħra, fosthom mal-President Franċiż Emmanuel Macron.

Madanakollu, fl-aħħar sigħat, is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Liz Truss, insista li huwa ċar li "jista' jkun hemm invażjoni imminenti fl-Ukrajna" u anke hu ħeġġeġ lill-Ingliżi kollha biex jitilqu mill-pajjiż.​

More in Barranin