Kriżi Ukraina | Tensjoni bejn ir-Russja u l-Istati Uniti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda

Il-laqgħa kienet qed tiddiskuti l-preżenza qawwija ta’ suldati Russi viċin il-fruntiera mal-Ukraina

Ritrattu u filmati juru l-moviment tar-Russi viċin il-fruntiera mal-Ukraina
Ritrattu u filmati juru l-moviment tar-Russi viċin il-fruntiera mal-Ukraina

Tkompli tikber il-pressjoni bejn ir-Russja u l-Istati Uniti fuq is-sitwazzjoni tal-Ukraina, hekk kif il-mibgħuta taż-żewġ qawwiet, fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, spiċċaw f’battibekk kontinwu.

Il-laqgħa kienet qed tiddiskuti l-preżenza ta’ suldati Russi viċin il-fruntiera mal-Ukraina.

L-Ambaxxatur tal-Istati Uniti fil-Kunsill, Thomas-Greenfield saħqet li l-mobilizazzjoni tat-truppi Russi, li qed tidher viċin il-fruntiera Ukrena, hija l-akbar waħda li rat l-Ewropa fl-aħħar snin.

Madanakollu, l-Ambaxxatur Russu akkuża lill-Istati Uniti li qed tindaħal f’affarijiet interni tar-Russja u anke akkuża lill-Gvern Amerikan li qed jipprova jbeżża’ u jżid l-isteriżmu.

Kemm l-Istat Uniti u anke r-Renju Unit qed jheddu lir-Russja b’sanzjonijiet ħorox jekk b’xi mod tipprova tinvadi l-Ukraina.

Uffiċjali fl-Istati Uniti qalu li s-sanzjonijiet se jkunu mmirati lejn individwi viċin il-Kremlin, bil-għan li dawn jinqatgħu kompletament mis-sistema finanzjarja internazzjonali.

Qed ikun stmat li r-Russja poġġiet madwar 100,000 suldat, tankijiet, armi u anke missili viċin il-fruntiera mal-Ukraina. 

Intant, id-diskussjonijiet diplomatiċi jkomplu llum hekk kif is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken mistenni jiltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, Sergei Lavrov. 

Apparti minn hekk, diversi mexxeja Ewropej se jkunu qed jivjaġġaw lejn l-Ukraina għal diskussjonijiet mal-mexxejja tal-pajjiż. Il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, mistenni jżur Kyiv aktar tard illum biex jiltaqa’ mal-President Ukren Volodymyr Zelensky.

More in Barranin