Il-pressjoni fuq il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qed tkompli tiżdied hekk kif ġiet fi tmiemha inkjesta dwar l-atteġġjament tiegħu u anke ta' staff f'10 Downing Street meta organizzaw festin fi żmien li l-pajjiż kollu kien f'lockdown minħabba l-pandemija.
Il-filmati li ġew ippubblikati kkawżaw rabja kbira fost numru ta' membri tal-partit ta' Johnson u wisq aktar mill-Oppożizzjoni, bil-pressjoni biex hu jirriżenja tkompli tiżdied.
Ilbieraħ sar magħruf ukoll li l-Pulizija Metropolitana wkoll fetħet investigazzjoni dwar numru ta' attivitajiet li ġew organizzati f'Downing Street. Din hija t-tieni darba fl-aħħar seklu fejn Prim Ministru Ingliż kien parti minn investigazzjoni tal-Pulizija.
Ir-rapport tal-inkjesta mistenni jkun ippubblikat fis-sigħat li ġejjin. Dan huwa mument kruċjali għalih, anke għax kien hemm membri tal-Partit Konservattiv li qalu li se jistennew l-eżitu tal-inkjesta qabel jiddeċiedu jekk għandhomx jipprovaw iġiegħlu lill-Prim Ministru jirriżenja.
Jekk aktar minn 54 Deputat Konservattiv jippreżentaw ittra uffiċjali li fiha jiddikjaraw li ma għandhomx fiduċja fil-Prim Ministru, awtomatikament Johnson ikollu jiffaċċja vot ta' fiduċja fil-Parlament.