Il-President Franċiż jgħid li jrid jagħmel il-ħajja diffiċli għal min ma ħax il-vaċċin

Huwa qal dan hekk kif il-Parlament qed jiddiskuti liġi ġdida biex min ma ħax il-vaċċin ma jkunx jista' jżur diversi stabbilimenti u lanqas ma jkun jista' jattendi attivitajiet

Il-President Franċiż Emmanuel Macron wissa li se jkun qed jagħmel il-ħajja ta’ dawk li ma ħadux il-vaċċin diffiċli hekk kif Franza, bħall-bqija tal-Ewropa, qed tkompli tissielet kontra mewġa kiefra ta’ Covid-19.

“Irrid li nippanikjahom u se nibqgħu nagħmlu dan sal-aħħar,” qal Macron f’intervista ma’ Le Parisien. 

Insista li ma jaqbilx li jagħmel it-tilqim obbligatorju iżda saħaq li se jagħmel minn kollox biex iħeġġeġ aktar nies jieħdu t-tilqima.

“Mhux se nibgħatu lil min ma ħax il-vaċċin il-ħabs. Mela allura rridu ngħidulhom li mill-15 ta’ Jannar, int mhux se tkun tista’ tmur aktar f’ristorant. Mhux se tkun tista’ tmur tieħu kafè u mhux se tkun tista’ tmur it-teatru jew iċ-ċinema,” insista Macron.

Madanakollu, il-kummenti tal-President kienu kkritikati minn bosta li qalu li l-lingwaġġ iebes li uża mhuwiex denju ta' President.

Huwa għamel dawn il-kummenti hekk kif id-Deputati tal-Oppożizzjoni ngħaqdu kontrih hekk kif il-Parlament qed jiddiskuti leġislazzjoni ġdida dwar il-Covid-19.

L-abbozz ta’ liġi li qed jimbotta ‘l quddiem il-Gvern Franċiż huwa biex dawk li ma ħadux it-tilqim ma jkunux jistgħu jidħlu f’ħafna postijiet, stabbilimenti u lanqas ma jkunu jistgħu jattendu attivitajiet.

Il-vot dwar din il-liġi l-ġdida mistenni jittieħed din il-ġimgħa.

Kif wieħed jista’ jimmaġina, dan l-abbozz u anke l-kummenti tal-President ma niżlu xejn tajjeb ma’ dawk li ma jridux jieħdu t-tilqima, b’diversi Membri Parlamentari saħansitra jisħqu li rċevew theddid ta’ mewt.

Franza għandha fost l-ogħla rata fl-Ewropa ta’ persuni mlaqqma, b’aktar minn 90% tal-popolazzjoni adulta mlaqqma kompletament, jiġifieri biż-żewġ dożi.

More in Barranin