Johnson jisħaq li l-Ingilterra mhu se tintroduċi l-ebda restrizzjonijiet ġodda qabel il-Milied

Dan minkejja ż-żieda qawwija fl-infezzjonijiet u anke l-firxa tal-varjant Omicron

Minkejja l-mewġa qalila ta' Covid-19 u anke l-firxa tal-varjant Omicron, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson saħaq li l-Gvern mhux se jintroduċi restrizzjonijiet ġodda fl-Ingilterra qabel il-Milied.

Madanakollu, waqt konferenza tal-aħbarijiet, Johnson saħaq li ma jistax jeskludi għal kollox il-possibbilità li wara l-Milied jiddaħħlu xi miżuri.

Insista li l-Gvern se jkompli janalizza s-sitwazzjoni u mhux se jiddejjaq jieħu passi wara l-Milied jekk ikun hemm bżonn.

Saħaq li dwar il-varjant Omicron hemm ħafna inċertezzi, inkluż fuq kemm hu serju u anke fuq l-impatt tat-tilqim fuqu. Kien hawn li spjega li sa issa ma hemmx biżżejjed evidenza li tiġġustifika miżuri aktar b'saħħithom qabel il-Milied.

Insista li kulħadd jista' jkompli bil-pjanijiet tiegħu għall-Milied iżda appella wkoll għall-kawtela u biex kulħadd jieħu l-booster.

Intant, l-Iskozja ħabbret miżuri ġodda li se jidħlu fis-seħħ mill-għada tal-Milied. Attivitajiet tal-massa issa se jkollhom limitu fuq il-persuni li jistgħu jattendu filwaqt li tħassru wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena. 

More in Barranin