Inċident li kważi kważi lanqas jitwemmen u fiċ-ċentru tiegħu hemm l-attur popolari Amerikan Alec Baldwin.
Waqt ġbid tal-film Rust li qed jinħadem fl-istat ta’ New Mexico, l-attur spara pistola li kienet qed tintuża bħala prop iżda li spiċċat qatlet mara, li kienet id-Direttur tal-fotografija tal-film.
Fl-istess inċident weġġa’ wkoll id-Direttur tal-Film li bħalissa qed jingħata l-kura minħabba l-ġrieħi serji li ġarrab.
Kelliem għal Baldwin qal li l-inċident seħħ meta l-attur spara l-pistola li kienet qed tintuża bħala prop iżda biex tagħti dehra ta’ arma vera. Normalment din ma tkunx ikkargara bil-balal, iżda għal xi raġuni, xi ħaġa marret ħażin.
Il-mara, Halyna Hutchins kellha 42 filwaqt li d-direttur għandu 48.
Il-Pulizija Amerikana qed tinvestiga iżda sa issa ħadd ma ġie arrestat b’rabta ma’ dan il-każ.
Jidher ukoll li Baldwin b’mod volontarju mar biex jitkellem mal-investigaturi.