Il-Partit Soċjalista Demokratiku fil-Ġermanja jidher li rebaħ bi żbrixx l-elezzjoni federali hekk kif kiseb aktar voti mill-partit tal-Kanċillier uxxenti Angela Merkel.
Madanankollu dan ma jfissirx it-tmiem tal-elezzjoni, hekk kif il-Ġermanja qed tistenna żmien ta' inċertezza sakemm tkun iffurmata koalizzjoni. Fil-fatt, iż-żewġ partiti ewlenin qed jisħqu li kapaċi jiffurmaw koalizzjoni.
L-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat juri kif il-Partit Soċjalista Demokratiku kiseb 25.7% tal-voti filwaqt li l-konservattivi (CDU-CSU) kisbu madwar 24.1% Il-Ħodor kisbu l-aqwa riżultat fl-istorja tagħhom, hekk kif kisbu 14.8% tal-voti.
Il-mexxej tas-Soċjalisti, Olaf Scholz insista li l-partit tiegħu ngħata mandant ċar biex imexxi l-Ġermanja u li se jkun qed jifforma koalizzjoni.
Dan ma jfissirx li l-koalizzjoni se ssir mil-lum għall-għada, bid-diskussjonijiet tista' tieħu ġimgħat sħaħ, jekk mhux xhur biex tifforma. Sadanittant, Angela Merkel, li għażlet li ma terġax tikkontesta l-elezzjoni, se tibqa' Kanċillier.
B'kollox, is-Soċjalisti kisbu 206 siġġijiet fil-Parlament, magħruf ukoll bħala l-Bundestag. Dan ifisser li biex ikun iffurmat Gvern ġdid, iridu jassiguraw li jiksbu 162 siġġu ieħor.
Mill-banda l-oħra, ir-rivali ta' Scholz, immexxija minn Armin Laschet (li ħa f'idu t-tmexxija tal-partit wara Merkel) ukoll qed jisħaq li kapaċi jifforma Gvern. Anke jekk irrikonoxxa li dan kien l-agħar riżultat miksbu għalihom, Laschet insista li l-ġirja għadha ma ntemmitx.