Afganistan | Diżgwid u ġlied fil-Palazz Presidenzjali wara nuqqas ta' qbil bejn uffiċjali tat-Taliban

Jidher li hemm nuqqas ta' qbil fuq min għandu jieħu l-mertu għas-suċċess tat-Taliban u anke dwar il-mod li nqasam il-poter fil-kabinett il-ġdid 

Mullah Abdul Ghani Baradar
Mullah Abdul Ghani Baradar

Rapporti qed jgħidu li nqalgħet ġlieda kbira bejn il-mexxejja tat-Taliban, fil-Palazz Presidenzjali tal-Afganistan, ftit jiem biss wara li ġie ffurmat Gvern ġdid.

Uffiċjali tat-Taliban li tkellmu ma’ midja internazzjonali spjegaw kif hemm nuqas ta’ qbil bejn żewġ fazzjonijiet rivali tal-istess grupp.

Hu mifhum li hemm nuqqas ta' qbil fuq min għandu jieħu l-mertu għas-suċċess tat-Taliban u anke dwar il-mod li nqasam il-poter fil-kabinett il-ġdid 

Min-naħa tagħhom, it-Taliban qed jiċħdu dawn ir-rapporti.

Il-kabinett il-ġdid li tħabbar ftit tal-jiem ilu huwa magħmul minn irġiel biss u wħud minnhom huma persuni magħrufa għall-attakki fuq l-Istati Uniti fl-aħħar żewġ deċenji.

Fl-aħħar jiem qamu wkoll diversi mistoqsijiet dwar wieħed mill-fundaturi tat-Taliban, Mullah Abdul Ghani Baradar hekk kif ilu ma jidher għal diversi jiem.

Sorsi li tkellmu ma’ midja internazzjoni qalu li s-segwaċi tiegħu u anke ta’ Khalil ur-Rahman Haqqani (il-mexxej tal-fazzjoni Haqqani), li nħatar bħala Ministru għar-refuġjati, saħansitra ġew fl-idejn wara li l-istess mexxejja kellhom ġlieda bejniethom.

Hu mifhum li ġlieda nqalgħet wara li Baradar, li nħatar bħala Deputat Prim Ministru, ma kien kuntent b’xejn bl-istruttura tal-Gvern il-ġdid.

Baradar irid ukoll li l-enfasi dwar is-suċċess tat-Taliban jitpoġġa fuq id-diskussjonijiet u anke d-diplomazija li wettqu persuni bħalu, filwaqt li l-membri tal-grupp Haqqani qed jisħqu li l-poter għadda f'idhom bis-saħħa tal-ġlied u li dan għandu jingħata importanza.

More in Barranin