Attakk terroristiku fl-ajruport ta' Kabul jħalli madwar 13 mejta u għexieren oħrajn midruba

Żewġ attakki suwiċida fl-ajruport ta' Kabul fl-Afganistan illejla

Ritratt: Tolo News
Ritratt: Tolo News

Ftit tal-ħin ilu seħħ attakk terroristiku fl-ajruport ta' Kabul - Il-Kapitali tal-Afganistan - li jidher illi ħalla mat-13-il persuna mejta - inkluż tfal -  u madwar 50 persuna midruba. Dan seħħ sigħat wara li kien hemm fil-fatt twissija illi jista' jseħħ attakk ta' dan it-tip, b'uffiċjal tal-Pentagon jgħid lis-sit The Guardian illi jidher li dan kien attakk "kumpless" li kien jinvolvi attakk suwiċida minn persuna waħda ħdejn Abbey Gate u oħra ħdejn Baron Hotel, liema lukanda kienet qed tintuża biex jiġu pproċessati persuni Afgani li xtaqu jmorru r-Renju Unit. 

Il-grupp Isis-K (L-Istat Iżlaimku Khorasan) li kien stabbilit fl-2015 huwa s-suspettat ewlieni ta' dan l-attakk. Dan il-grupp b'rabtiet mill-qrib mal-Istat Iżlamiku fis-Sirja u l-Iraq jemmen li t-Talibani rriġettaw xi tagħlim tar-reliġjon Musulmana, bit-Taliban minn naħa l-oħra jopponu l-espansjoni tal-ISIS-K. Ħafna mill-ġellieda tal-Isis-K huma persuni li ġejjin barra mill-Afganistan, primarjament mit-Tajikistan, l-Użbekistan u l-Pakistan. 

Dan l-attakk seħħ hekk kif l-ajruport ta' Kabul intilef f'ġenn totali hekk kif eluf ta' nies qed jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż, wara li dan waqa' taħt idejn it-Talibani mill-ġdid. Dawn kienu jmexxu dan il-pajjiż mill-1996 u baqgħu magħrufin għall-ħruxijiet li wettqu u t-tkasbir assolut tad-drittijiet tan-nisa, saħansitra anke d-dritt  li bniet jieħdu edukazzjoni. Dan kollu inbidel wara l-attakki terroristiċi fi New York u Washington nhar il-11 ta' Settembru 2009, bl-Amerikani jiġru wara Osama Bin Laden li kien ħa responsabilità ta' dan l-attakk u li kien jinsab moħbi fl-Afganistan. Sal-2001 il-forzi Amerikani u Ingliżi kienu neħħew lit-Talibani mill-poter. 

Xeni ta' nies midrubin viċin Kabul
Xeni ta' nies midrubin viċin Kabul

 

More in Barranin