Il-mexxejja tat-Taliban indirizzaw l-ewwel konferenza tal-aħbarijiet wara li ħatfu f'idhom il-poter fl-Afganistan u assiguraw lill-popolazzjoni u anke lill-komunità internazzjonali li se jkunu qed iħarsu d-drittijiet tal-bniedem.
Il-Kelliem għall-grupp militanti, Zabihullah Mujahid indirizza l-akbar tħassib ta' bosta u tkellem dwar id-drittijiet tan-nisa u insista li huma jirrispettawhom u jridu li jkunu attivi f'kull strata tas-soċjetà.
Fil-fatt saħaq li n-nisa se jkunu qed jitħallew jaħdmu dejjem skont il-liġi Iżlamika. Għall-ewwel mistoqsija li ħa mingħand il-midja, Mujahid għażel ġurnalista mara.
Din kienet l-ewwel darba li l-ġurnalisti raw wiċċ Zabihullah Mujahid hekk kif sa issa, dejjem instema' biss leħnu.
Huwa saħaq ukoll li t-Taliban ma jrid l-ebda għedewwa la fl-Afganistan u lanqas fi bnadi oħra.
Fil-fatt assigura wkoll lill-komunità internazzjonali li l-ħaddiema kollha fl-ambaxxati madwar l-Afganistan jistgħu jserrħu rashom. Fi kliemu, ħadd mhu se jagħmlilhom ħsara.
Immedjatament bdew ħerġin ir-reazzjonijiet minn diversi ġurnalisti internazzjonali li ġieli tkellmu, anke jekk fuq it-telephone, ma' Muhajid. Iddeskrivewh bħala raġel moderat u li tieħu gost tkellmu, iżda saħqu li qed jitkellem biss f'isem parti waħda mit-Taliban.
Minkejja l-wiegħdiet ta' Mujahid, kien hemm rapporti li xi nisa diġà ntlabu jħallu l-uffiċji u anke jgħattu wiċċhom kompletament meta joħorġu barra fil-pubbliku.