Macron jappella għal 'pjan robust' biex l-Ewropa tantiċipa influss ta' immigranti Afgani

Jisħaq li l-Ewropa waħedha ma tistax tieħu fuqha l-konsegwenzi ta' din is-sitwazzjoni

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, saħaq li l-Ewropa għandha jkollha f'idha 'pjan robust' biex tilqa' għall-immigrazzjoni mill-Afganistan li mistennija tiżdied wara li l-grupp militanti tat-Taliban ħataf f'idu l-kontroll tal-pajjiż.

F'indirizz fuq it-televiżjoni, Macron wissa li s-sitwazzjoni fl-Afganistan se twassal għal żieda ta' immigrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa.

"Irridu nantiċipaw u nipproteġu lilna nfusna kontra influss kbir ta' immigranti irregolari," insista Macron waqt li saħaq li dawk li jużawhom u t-traffikanti tal-bnedemin se jkunu qed jieħdu l-opportunità.

Insista li l-Ewropa waħedha ma tistax tieħu fuqha l-konsegwenzi ta' din is-sitwazzjoni.

Il-messaġġ ta' Macron sar ftit tas-sigħat wara l-filmati li nxterdu fuq il-midja soċjali u li juru eluf ta' Afgani jipprovaw jaqbdu titjiriet u saħansitra jżommu ma' ajruplani lesti biex itiru, bil-konsegwenza li spiċċaw waqgħu u mietu.

Bħalissa, diversi pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u anke pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għaddejin bil-missjoni li jevakwaw liċ-ċittadini tagħhom u anke ħaddiema Afgani li kienu jaħdmu magħhom.

Intant, f'indirizz lin-nazzjon, il-President Amerikan Joe Biden insista li se jżomm mad-deċiżjoni tiegħu li jirtira t-truppi Amerikani mill-Afganistan waqt li ammetta li s-sitwazzjoni żvolġiet b'tali mod li ma kinitx antiċipata.

Insista li mhux se jirrepeti l-iżbalji tal-passat u saħaq li l-missjoni tal-Istati Uniti fl-Afganistan ma kinitx li l-Amerikani jibnu n-nazzjon imma li jwaqqfu l-gruppi tat-terroristi, fosthom l-Al Qaeda milli jkomplu jwettqu attakki fl-Amerika u lilhinn.

Fi kliemu, ma kienx lest li jħalli hemm truppi Amerikani meta lanqas l-armata Afgana ma kienet lesta li tiġġieled lill-militanti, filwaqt li l-President u l-membri tal-Gvern ħarbu mill-pajjiż.

Fakkar li l-President Trump kien laħaq ftehim mat-Taliban li din is-sena stess jitilqu t-truppi kollha Amerikani. Insista li hu sab ruħu bejn dan il-ftehim inkella d-deċiżjoni li jibgħad eluf ta' suldati oħra biex jiġġieldu gwerra li ilha għaddejja 20 sena.

Din id-deċiżjoni ma tantx niżlet tajjeb, inkluż ma' mexxejja politiċi madwar id-dinja. Madanakollu Biden qal li kien jippreferi jieħu l-kritika milli jgħaddi din il-problema lil President ta' warajh, jiġifieri l-ħames wieħed minn meta bdiet din il-gwerra.

Fi kliemu, il-preżenza tal-Amerikani fl-Afganistan ma kinitx aktar fl-interess tas-sigurtà nazzjonali.

More in Barranin