Il-Ġermanja wkoll qed tikkunsidra li ddaħħal restrizzjonijiet għal min ma ħax il-vaċċin

Dan wara li l-programm tat-tilqim fil-Ġermanja waqa' ftit lura fl-aħħar ġimgħat

Uffiċjal fil-Gvern tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel saħaq li l-Ġermanja jista' jkun li tintroduċi restrizzjonijiet għall-persuni li ma ħadux il-vaċċin jekk il-każi tal-Covid-19 jerġgħu jiżdiedu fix-xhur li ġejjin.

Madanakollu, Helge Braun, iċ-Chief of Staff ta' Merkel, insista li l-Ġermanja mhux qed tħares lejn lockdown nazzjonali ieħor.

Insista li l-persuni li ma ħadux il-vaċċin jista' jkun li ma jitħallewx jidħlu fi stabbilimenti bħar-ristoranti, it-teatri u anke l-istadiums.

Franza introduċiet din ir-restrizzjoni u anke fl-Italja mistennija li tibda tapplika mis-6 ta' Awwissu li ġej.

Mistoqsi jekk dawn ir-restrizzjonijiet humiex legali, Braun insista li "l-istat għandu r-responsabbilità li jipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini tiegħu."

Il-programm tat-tilqim fil-Ġermanja waqa' ftit lura fl-aħħar ġimgħat u għalhekk il-Gvern qed jaħdem biex iżid il-kunfidenza tan-nies fil-vaċċin.

Aktar minn 60% tal-popolazzjoni Ġermaniża ħadet minn tal-inqas doża waħda tal-vaċċin, filwaqt li 49% huma mlaqqma kompletament.

Meta Franza daħlet din ir-restrizzjoni, kienu ħafna dawk li marru jieħdu l-vaċċin.

More in Barranin