Xjenzat ewlieni li qed jagħti l-pariri tiegħu lill-Gvern Ingliż wissa lir-Renju Unit jista’ jkun li jinsab fix-xifer tat-tielet mewġa ta’ infezzjonijiet.
Il-Professur Ravi Gupta, mill-Università ta’ Cambridge, qal li għalkemm il-każi huma “relattivament baxxi” il-varjant Indjan qed jikkawża “żieda sostanzjali," fl-infezzjonijiet.
Fil-fatt, il-parir tiegħu huwa li l-fażi li jmiss tar-rilaxx tar-restrizzjonijiet, li ilha ppjanata għall-21 ta’ Ġunju, għandha tkun posposta.
Ilbieraħ, ir-Renju Unit irrapporta aktar minn 3,000 każ ġdid ta’ Covid-19 għal ħames ġurnata konsekuttiva.
Meta kien qed ikun intervistat fuq BBC Radio 4, il-Professur qal li tliet kwarti tal-każi l-ġodda fir-Renju Unit issa huma kawża tal-varjant il-ġdid.
Il-Gvern Ingliż ilu xhur li semma d-data tal-21 ta’ Ġunju bħala l-aħħar pass fir-rilaxx tar-restrizzjonijiet, fejn potenzjalment jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha, anke fuq kemm jistgħu jiltaqgħu nies, kemm jekk fuq ġewwa u anke fil-miftuħ.
Id-deċiżjoni finali dwar jekk hux se jitneħħew aktar restrizzjonijiet mistennija tittieħed fl-14 ta’ Ġunju.