L-UE tibda passi legali kontra l-AstraZeneca u takkużaha li qed tikser il-kuntratt
Dan wara li l-kumpanija waqgħet lura fil-konsenji tagħha lill-Unjoni Ewropea
![](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/106715793-16009548782020-09-24t085007z_1444324879_rc2w4j9praj2_rtrmadp_0_health-coronavirus-astrazeneca-usa.jpg)
More in Barranin
Dan wara li l-kumpanija waqgħet lura fil-konsenji tagħha lill-Unjoni Ewropea
L-Unjoni Ewropea ħadet passi legali kontra l-kumpanija AstraZeneca għax qed takkużaha li kisret il-kuntratt u dak maqbul dwar il-konsenji tal-vaċċin.
Il-kumpanija kienet intrabtet li tissupplixxi 180 miljun doża tal-vaċċin lill-Unjoni Ewropea, fit-tieni kwart tas-sena, iżda fl-aħħar ġimgħat bdiet tesperjenza dewmien fil-konsenji.
Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea qed takkuża lill-kumpanija li qed tikser dak li ntrabtet fih fil-kuntratt iffirmat.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tisħaq li l-kumpanija qed tonqos milli tipprovdi strateġija biex tassigura li d-dożi jaslu fil-ħin.
Din mhux l-ewwel darba li l-Kummissjoni Ewropea akkużat lill-AstraZeneca li qed tikser l-obblidi tagħha. Ix-xahar li għadda, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen, saħqet li l-Unjoni Ewropea qed tistenna li tirċievi 70 miljun doża inqas mingħand l-AstraZeneca.
L-Unjoni Ewropea kkritikat ukoll bl-aħrax lill-kumpanija meta sar magħruf li se jkun hemm dewmien fil-konsenji fost il-pajjiżi membri iżda l-ebda dewmien għar-Renju Unit.
Dan kien wassal lill-Unjoni Ewropea biex thedded lill-kumpanija illi kienet lesta twaqqaf l-esportazzjoni tal-vaċċin lejn pajjiżi barra miż-żona tagħha.
Fil-fatt, fl-ewwel tliet xhur tas-sena, il-kumpanija waslet nofs id-dożi li kienet intrabtet li twassal. Ammettiet ukoll li mhux se jirnexxielha tonora l-obbligi tagħha għat-tieni kwart tas-sena.