Imut il-Prinċep Philip fl-età ta' 99 sena

Huwa kien ilu 73 sena miżżewweġ lil Eliżabetta u l-ewwel snin tal-ħajja tagħhom qattgħuha Malta. Il-koppja kellhom erbat itfal, għandhom tmien neputijiet u huma bużnanniet ta' għaxra

Il-Prinċep Philip, ir-raġel tar-Reġina Eliżabetta II, miet illum fl-età ta' 99 sena.

Huwa kien ilu 73 sena miżżewweġ lil Eliżabetta u l-ewwel snin tal-ħajja tagħhom qattgħuha Malta. Il-koppja kellhom erbat itfal, għandhom tmien neputijiet u huma bużnanniet ta' għaxra.

Il-Prinċep, magħruf ukoll għal xi praspura jew xi kumment mhux f'waqtu, irtira mill-ħajja pubblika fl-2017.

Tul is-snin huwa ħadem ħafna biex jimmodernizza l-Monarkija u saħansitra kien responsabbli miċ-ċerimonja tal-inkurunazzjoni ta' martu, fejn ħadem qatigħ biex din tkun trasmessa fuq it-televiżjoni u tasal għand eluf ta' nies.

Anke jekk bħala membru tal-familja Rjali ma setax jinvolvi ruħu fil-politika u lanqas jikkummenta, ma kienx iddejjaq isemma leħnu partikolarment fuq kwistjonijiet ambjentali.

Tul is-snin, ir-Reġina Eliżabetta kellha diversi okkażjonijiet biex titkellem dwar żewġha. Fil-50 anniversarju miż-Żwieġ tagħhom, iddeskrivietu bħala dak li jagħtiha s-saħħa.

It is with deep sorrow that Her Majesty The Queen has announced the death of her beloved husband, His Royal Highness The...

Posted by The Royal Family on Friday, 9 April 2021

Min hu l-Prinċep Philip?

Il-Prinċep Philip twieled fl-10 ta' Ġunju 1921 fil-gżira Griega ta' Corfu. Huwa kien l-uniku wild tal-Prinċep Andrew tal-Greċja u d-Danimarka u tal-Prinċipessa Alice ta' Battenberg. Zijuh, li kien re, kien sfurzat jabdika u meta Philip kien għadu tarbija, il-familja tiegħu ħarbet lejn Pariġi.

Meta kellu seba' snin marru l-Ingilterra u kien jgħix f'Kensington Palace, fejn illum jgħix il-Prinċep William. Huwa kien jgħix hemm man-nanna tiegħu, Victoria Mountbatten u ftit wara kien intbagħat f'boarding school fl-Iskozja.

Ta' 18-il sena huwa kien issieħeb mar-Royal Navy u kien jikkomprometti ħafna. 

Huwa ltaqa' ma' Eliżabetta fl-1934 waqt tieġ tal-familja għax huma kienu jiġu minn xulxin, anke jekk mill-bogħod, permezz tar-Reġina Victoria.

Huma żżewġu f'Westminister Abbey fl-20 ta' Novembru 1947. Philip irrinunzja għat-titlu ta' Prinċep tal-Greċja u d-Danimarka, iżda r-Re Ġorġ VI tah it-titlu ta' Duka ta' Edinburgh

Il-koppja Rjali meta kienu għadhom jgħixu f'Malta
Il-koppja Rjali meta kienu għadhom jgħixu f'Malta

Sentejn wara huma ġew jgħixu Malta u t-tnejn li huma jiddeskrivu dan iż-żmien bħala l-isbaħ żmien ta' ħajjithom. Philip seta' jkompli bil-karriera tiegħu u Eliżabetta setgħet tgħix ħajjitha fil-kwiet u b'mod sempliċi.

Iżda kollox sfaxxa fix-xejn meta r-Re Ġorġ VI miet, ħabta u sabta fl-1952. Eliżabetta u Philip kienu l-Kenja waqt tour rjali tal-pajjiżi tal-Commonwealth. 

Għalkemm huwa r-raġel tar-Reġina, kif inhi t-tradizzjoni huwa ma jingħatax it-titlu ta' Re, għal kuntrarju li jiġri f'każ li l-eredi tat-tron ikun raġel u jkun miżżewweġ. F'dak il-każ martu tingħata t-titlu ta' Reġina.

Ħafna jfaħħruh għal fatt kif minkejja ristrett ħafna fl-irwol tiegħu u dejjem stmat inqas, dejjem kien maġenb martu u jappoġġjaha. 

More in Barranin