Kull persuna fl-Ingilterra se tkun intitolata għal żewġ rapid tests b'xejn fil-ġimgħa

Dan hekk kif se jkunu qed jitnaqqsu aktar restrizzjonijiet biex fil-jiem li ġejjin se jerġgħu jiftħu l-ħwienet, ir-ristoranti u anke l-pubs

Kull persuna fl-Ingilterra se jkollha aċċess għal żewġ rapid tests kontra l-Covid-19 kull ġimgħa.

Dawn it-testijiet, li jipprovdu riżultat fi żmien 30 minuta, se jkunu disponibbli b’xejn miċ-ċentri kollha tat-testijiet, mill-ispiżeriji u jistgħu saħanistra jaslu bil-posta għand dawk li jitolbuhom.

Is-Segretarju Ingliż għas-Saħħa saħaq li din il-miżura se tkun qed tnaqqas u żżomm taħt kontroll l-imxija hekk kif ikomplu jitnaqqsu r-restrizzjonijiet.

Illum, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson mistenni jiltaqa’ mal-kabinett biex jiffirma l-fażi li jmiss tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet, biex ftit ftit, l-Ingilterra toħroġ mil-lockdown strett li kienet fih għal dawn l-aħħar ġimgħat, kawża taż-żieda qawwija fil-każi minħabba l-varjant tal-virus.

Fil-fatt, minn bħal-lum ġimgħa, se jkunu qed jerġgħu jinfetħu dawk in-negozji li joffru servizzi mhux essenzjali filwaqt li r-ristoranti u l-pubs se jkunu jistgħu jservu lil klijenti fuq barra.

Aktar tard, Johnson mistenni jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha se jkun qed jagħti lista ta’ pajjiżi li l-Ingilterra se tkun qed tiftaħ il-bibien għalihom, meta t-turiżmu jkun possibbli. 

Mistenni jispjega wkoll il-pjanijiet tal-Gvern Ingliż għall-passaporti tal-vaċċin.

Madanakoollu, numru ta’ Membri Parlamentari, anke mill-partit ta’ Johnson stess, huma kontra dawn il-passaporti u lesti jopponu l-proposti ta' Johnson. 

More in Barranin