Il-WHO tħeġġeġ lill-pajjiżi kollha biex ikomplu jamministraw il-vaċċin tal-AstraZeneca

Dan wara li xejn inqas minn għaxar pajjiżi Ewropej issospendew l-użu tal-vaċċin

L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) qed tħeġġeġ lill-pajjiżi biex ikomplu jamministraw il-vaċċin tal-AstraZeneca kontra l-Covid-19 u dan wara li diversi pajjiżi Ewropej, inkluż il-Ġermanja, Franza u l-Italja ssospendew l-użu tagħha.

Fil-fatt, kienu għaxar pajjiżi li ssospendew dan il-vaċċin wara li kienu rrapportati xi każi severi ta' emboli fid-demm (bloodcloth) f'persuni li kienu għadhom kemm ħadu t-tilqima.

Il-WHO insistiet li r-rakkomandazzjoni tagħha għadha tgħodd, jiġifieri li l-benefiċċji tal-vaċċini tal-AstraZeneca biex tiġġieled lill-Covid-19, li sa issa qatel aktar minn 2.6 miljun persuna, huma ħafna akbar mir-riskji.

Dr Soumya Swaminathan, il-kap tax-xjentisti tal-WHO qalet li sa issa ġew amministrati aktar minn 300 miljun doża tat-tilqima kontra l-Covid-19, madwar id-dinja u sa issa ma kien hemm l-ebda mewta li ġiet dokumentata u li tista' b'xi mod ikollha rabta mal-vaċċin.

Qalet li r-rati ta' emboli fid-demm li żviluppaw xi persuni li kienu ħadu l-vaċċin tal-AstraZeneca "huma fil-fatt inqas mill-ammont li wieħed jistenna f'popolazzjoni."

Minkejja dan, esperti tal-WHO li jistudjaw is-sigurtà tat-tilqim, mistennija jiltaqgħu llum biex jiddiskutu l-vaċċin.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini wkoll ippubblikat messaġġ simili għal dak tal-WHO.

More in Barranin