Aġġornata | Reġjuni fl-Italja taħt restrizzjonijiet stretti; Aktar pajjiżi jissospendu l-vaċċin tal-AstraZeneca

L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għadha qed tisħaq li ma hemm l-ebda riskju għal dawk li ħadu t-tilqima tal-AstraZeneca

Mil-lum, diversi reġjuni fl-Italja reġgħu tpoġġew taħt restrizzjonijiet stretti biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19 hekk kif il-każi komplew jiżdiedu, l-istess kif jidher li qed jiġri f’diversi pajjiżi Ewropej.

Apparti minn hekk, l-Irlanda, l-Olanda u l-Ġermanja wkoll issospendew it-tilqim bil-vaċċin tal-AstraZeneca wara li xi persuni żviluppaw xi emboli tad-demm (bloodclots) wara li ħadu t-tilqima, anke jekk sa issa ma rriżultax li kien hemm rabta bejn dawn ir-reazzjonijiet u t-tilqima.

Fil-fatt, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għadha qed tisħaq li ma hemm l-ebda riskju għal dawk li ħadu t-tilqima tal-AstraZeneca.

Sa issa, aktar minn 350 miljun doża ta’ dan il-vaċċin ġew amministrati madwar id-dinja.

Intant, tliet kwarti tal-Italja issa tinsab taħt lockdown strett li mistenni jibqa’ fis-seħħ sas-6 ta’ April. Il-każi qed jiżdiedu minħabba l-varjant tar-Renju Unit.

Fil-fatt, f’Ruma u f’Milan, fost oħrajn, ingħalqu l-iskejjel, ir-ristoranti, il-ħwienet u l-mużewijiet, bir-residenti jistgħu joħorġu biss għax-xogħol jew raġunijiet essenzjali.

Intant, anke fi Franza qed jiżdiedu l-każi u l-isptarijiet, fir-reġjun ta’ Pariġi, jinsabu taħt pressjoni kbira u hemm nuqqas ta’ sodod fit-taqsimijiet tal-kura intensiva.

Il-Covid-19 qatel aktar minn 2.6 miljun persuna. 

More in Barranin