Il-Papa jħalli Ruma għal żjara storika fl-Iraq minkejja r-riskji u l-attakki riċenti

Fost oħrajn, il-Papa se jkun qed iżur il-belt ta' Mosul li sa ftit tas-snin ilu kienet waqgħet f'idejn l-Istat Iżlamiku

Minkejja r-riskji, il-Papa Franġisku dalgħodu ħalla Ruma biex jibda vjaġġ ta' erbat ijiem fl-Iraq, f'dak li qed jissejjaħ bħala l-aktar vjaġġ riskjuż minn meta sar Papa fl-2012. Huwa wkoll wieħed storiku hekk kif qatt qabel ma kien hemm żjara ta' Papa fl-Iraq.

Il-Papa ħalla l-ajruport ta' Fiumicino dalgħodu għall-ajruport tal-kapitali tal-Iraq, Baghdad

Is-sigurtà għal din iż-żjara hija qawwija ħafna hekk kif fl-aħħar ġimgħat u xhur diversi attakki b'missili u anke bombi suwiċida ħallew għexieren ta' persuni mejta.

Sal-Erbgħa stess, kien hemm attakk fuq bażi tal-ajru li fiha hemm koalizzjoni fejn Forzi Iraqqini u dawk tal-Istati Uniti.

Fost oħrajn, il-Papa se jkun qed iżur il-belt ta' Mosul li sa ftit tas-snin ilu kienet waqgħet f'idejn l-Istat Iżlamiku. L-effett ta' din il-ħakma għadha tidher sewwa fuq knejjes u anke binjiet.

Mistenni jżur ukoll il-post fejn skont it-tradizzjoni twieled Abraham, figura importanti kemm għall-Insara, il-Musulmani u anke l-Lhud.

Se jiltaqa' wkoll mal-ogħla mexxej reliġjuż Iżlamiku fl-Iraq, Ayatollah Ali al-Sistani.

More in Barranin