Vaċċin li jirrikjedi biss doża waħda ddikjarat 'sigur u effettiv' fl-Istati Uniti

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina mistennija tanalizza dan il-vaċċin ta' Johnson & Johnson lejn nofs Marzu

Regolaturi fl-Istati Uniti qalu li l-vaċċin ta' Johnson & Johnson li jirrikjedi biss li tittieħed doża waħda, huwa sigur u effettiv.

Din l-analiżi issa tifrex it-triq biex dan il-vaċċin ikun it-tielet wieħed li jkun awtorizzat għall-użu fl-Istati Uniti, possibbilment fi żmien ftit jiem.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina mistennija tanalizza dan il-vaċċin lejn nofs Marzu. Jekk ir-rakkomandazzjoni tkun waħda pożittiva, dan ikun ir-raba' vaċċin li ġie approvat għall-użu fl-Unjoni Ewropea.

Dan il-vaċċin għandu diversi vantaġġi. Apparti li jirrikjedi biss doża waħda, jista' jinżamm fi friġġ minflok fi freezer.

Il-kumpanija Belġjana Janssen, li hija proprjetà tal-kumpanija ġgant tal-farmaċewtika Johnson & Johnson, qalet li mill-ewwel analiżi li għamlet jindika li l-vaċċin huwa effettiv ħafna kontra infezzjoni severa.

L-istudji u t-testijiet li saru fuq dan il-vaċċin fl-Istati Uniti, fl-Afrika ta' Isfel u l-Brażil sabu li l-vaċċin huwa 85% effettiv biex jippreveni infezzjoni severa iżda 66% effettiv meta ttieħdu inkonsiderazzjoni l-każi kollha, anke dawk moderati u li żviluppaw 28 ġurnata wara li persuna tkun ħadet il-vaċċin

Minn fost dawn il-persuni li ħadu l-vaċċin u xorta żvillupaw il-virus ma kien hemm l-ebda persuna li tilfet ħajjitha u fil-fatt ħadd minnhom ma kellu bżonn jiddaħħal l-isptar.

Il-Kummissjoni Ewropea ordnat 200 miljun doża minn dan il-vaċċin. 

More in Barranin