Il-vittmi tal-Covid-19 fl-Istati Uniti jaqbżu n-nofs miljun

Il-President Joe Biden saħaq li l-għadd tal-vittmi tal-Covid-19 jaqbeż it-total tal-vittmi tal-Ewwel u t-Tieni Gwerra u dik tal-Vjetnam

Il-President Amerikan Joe Biden indirizza lin-nazzjon ilbieraħ filgħaxija hekk kif l-għadd tal-vittmi tal-Covid-19 fl-Amerka qabżu n-nofs miljun.

Dan huwa l-akbar għadd ta’ vittmi rreġġistrati f’pajjiż wieħed minn meta faqqgħet il-pandemija.

“Bħala nazzjon ma nistgħux naċċettaw dan bħala destin kiefer. Irridu nirreżistu,” saħaq Biden.

Wara d-diskors, il-President Biden, il-Viċi President Kamala Harris u l-familji tagħhom, osservaw minuta ta’ silenzju quddiem il-White House waqt velja.

Minn meta faqqgħet il-pandemija, fl-Istati Uniti biss kien hemm 28.1 miljun każ ta’ Covid-19.

Biden ħeġġeġ lill-Amerikani biex jagħmlu sforz kollettiv u jiġġieldu l-pandemija flimkien waqt li fakkar li l-għadd tal-vittmi li mietu bil-Covid-19 jaqbeż l-għadd tal-vittmi tal-Ewwel Gwerra, it-Tieni Gwerra u dik tal-Vjetnam flimkien.

Ordna biex il-bnadar kollha fuq il-binjiet tal-Gvern jittajru mezzasta għal ħamest ijiem li ġejjin.

More in Barranin